1,200 punt tal-irriċarġjar ippjanati sal-2024

Tul l-aħħar snin rajna kif is-setturi tat-trasport u l-enerġija jimpattaw bi sħiħ lil xulxin, sal-punt li l-isfidi li jiffaċċja settur wieħed iħallu impatt fuq l-ieħor. Jekk irridu niżguraw li jkollna suċċess fl-iżvilupp taż-żewġ setturi, filwaqt li nilħqu wkoll il-miri klimatiċi tagħna, jeħtieġ li nimxu ‘l quddiem flimkien.
Dan qalu l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia waqt laqgħa informali tal-kunsill tal-Ministri għat-Trasport u l-Enerġija fi Stokkolma.
Il-Ministru qal li Malta għandha opportunitajiet limitati biex tagħmel il-bidla fil-mod tal-ivvjaġġar, fejn it-trasport tal-art huwa l-uniku għażla disponibbli u fattibbli biex tivvjaġġa, filwaqt li t-trasport permezz tal-baħar u l-ajru huma l-unika għażla għall-konnettività ta’ Malta mal-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Huwa sostna li dawn il-limitazzjonijiet ġeo-fiżiċi, u n-nuqqas ta’ riżorsi naturali jfissru li l-elettrifikazzjoni tal-flotta tat-trasport hija l-unika soluzzjoni.
Huwa spjega li l-gvern qed jaħdem biex jinvesti f’infrastruttura tajba, bi 340 ‘charging point’ diġà installati u qed jiffunzjonaw, u b’1,200 punt tal-irriċarġjar (“charging point”) oħra ppjanati sas-sena 2024. Fl-istess waqt, il-gvern nieda skemi biex iħeġġeġ lin-nies u n-negozji jaqilbu lejn vetturi elettriċi.
Barra minn hekk, il-ministru kompla jispjega li l-portijiet tan-netwerk TEN-T qed jiġu mibdula b’infrastruttura li tipprovdi enerġija mill-art filwaqt li l-politika nazzjonali tal-avjazzjoni li tnediet riċentament, toħloq bilanċ bejn il-benefiċċji soċjo-ekonomiċi u taħdem biex jintlaħqu l-miri li għandu l-pajjiż fir-rigward tad-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li tippreserva l-konnettività u l-kompetittività ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Farrugia tenna li pajjiżna jrid jkun mgħammar bi provvista ta’ enerġija sigura, affidabbli u affordabbli. Qal li fl-aħħar sena, li kienet waħda ta’ sfida, kien hemm żieda fl-ispejjeż tat-trasport. Kompla li ladarba pajjiżna miexi lejn l-elettrifikazzjoni tal-flotta, kemm dik privata u kemm dik pubblika, jeħtieġ li jkollna grid tal-elettriku b’saħħtu u li jiflaħ, kif ukoll taħlita ta’ sorsi tal-enerġija, inkluż enerġija rinnovabbli. Ghaldaqstant, Malta tistenna li tirċievi l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
“Barra minn hekk, irridu niżguraw li d-domanda u l-provvista, fil-qasam leġislattiv tal-UE jkunu sinkronizzati. Flimkien, irridu nkomplu ninvestu fl-iżvilupp ta’ fjuwils aktar nodfa li huma affordabbli, sikuri, u faċilment disponibbli għal kulħadd. Fir-rigward tal-provvista ta’ vetturi elettriċi, Malta tiddependi fuq is-suq Ewropew li ma jaħsibx biżżejjed għall-vetturi elettriċi li jinstaqu minn xufiera fuq in-naħa tal-lemin. Għalhekk, jeħtieġ li niggwidaw u nappoġġjaw lill-industrija Ewropea biex niżguraw li timxi mal-istandards meħtieġa. Dan jiggarantixxi li l-miri kollettivi jkunu jistgħu jintlaħqu mill-partijiet interessati kollha,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.