Qegħdin kważi f’nofs is-sena u l-morsa tal-għoli tal-ħajja qegħda tinħass minn kulħadd. Minkejja s-sussidji li qed jingħataw f’nofs is-sena l-vulnerabbli iħossuhom mgħaffġa u bi dritt jistennew li m’għandhomx jibqgħu jistennew sitt xhur oħra biex ikunu mgħejjuna biż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Ma jagħmilx sens li noqgħodu nistennew sal-aħħar tas-sena għax min qed jgħix b’paga minima inkella bil-pensjoni jew servizzi soċjali ma jistax joqgħod is-sitt xhur li ġejjin jistenna ż-żieda għall-għoli tal-ħajja biex ikun jista’ jixtri l-affarijiet essenzjali.
Dan qalu Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, s-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta, quddiem il-Parlament.
Sandra Gauci, Deputat Chairperson emfasizzat li b’waħda mill-aktar rati ta’ inflazzjonijiet baxxi fl-Europa xorta l-poplu qed iħoss il-morsa tal-għoli tal-hajja dejjem tagħfas u li l-għajnuniet ta’ darba kultant mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn xi ħaġa aktar b’saħħitha li tgħolli lil min hu batut ‘il fuq, lill- pensjonanti, lill-dawk fil-faqar jew xifer il-faqar, li kulma jmur qed jiżdiedu. Hu għalhekk li f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari qed ninsistu li ħadd m’għandu jitħalla jittewweb sal-aħħar tas-sena biex jieħu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Konna nistennew li Gvern serju iżid il-paga minima u l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali mill-1 ta’ Lulju biex id-daqqa kbira li ġiet fuqna intaffu ftit l-effetti tagħha.
Hu meħtieġ, żiedet temfasizza Sandra Gauci li l-paga minima kif ukoll il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali jassigura livell bażiku ta’ għixien diċenti. Min hu dipendenti fuq paga minima, fuq il-pensjoni jew fuq is-servizzi soċjali biex jgħix hu jew hi u l-familja jeħtieġu għajnuna kbira issa, u mhux sitt xhur oħra!
Aħna sorpriżi li Gvern jiddeskrivi ruħu bħala li hu spirat minn prinċipji soċjaldemokratiċi ma jagħmilx iktar emfasi fuq il-ħtieġa li l-paga u l-pensjoni jkunu ta’ livell diċenti biex tgħix bihom. Dan hu rifless fil-viżjoni soċjali għall-15-il sena (Viżjoni Soċjali għal Malta 2035) li ġejja li l-Gvern ippubblika għal konsultazzjoni pubblika li dwar dan kollu ma fih xejn, ikkonkludiet Sandra Gauci.
Il-kriżi li qegħdin fiha, żied jgħid Carmel Cacopardo mhux se tispiċċa malajr. Hu għaldaqstant il-mument ukoll li niffukaw fuq jekk hemmx metodi aħjar dwar kif jistgħu jintużaw is-sussidji b’mod partikolari dawk applikati għall-petrol, dijżil u elettriku. Il-prezzijiet internazzjonali se jdumu għoljin.
“Bla dubju, l-konsum bażiku tal-elettriku għad-djar, għandu jibqa’ jkun issussidjat imma l-bqija tas-sussidji għall-elettriku u l-fuels għandhom ikunu studjati aħjar. Hemm modi aħjar kif il-Gvern jista’ jnaqqas il-piż minn fuq spallejn in-nies. Flok is-sussidju tal-petrol u d-dijżil għal karozzi jkun floku li nqisu li fuel għola jkun ifisser possibilment inqas karozzi fit-toroq u iktar nies jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, aktar spiss bi kwalità tal-arja aħjar għal kulħadd. Hi opportunità unika li nużaw il-kriżi attwali bħala għodda kontra d-dipendenza fuq il-karozzi, u għaldaqstant issa huwa ż-żmien għal investiment f’toroq u rotot aktar sikuri għal mezzi nodfa ta’ trasport, u għal rotot fit-toroq riservati għal karozzi tal-linja. Issa huwa l-waqt għal investiment f’sistema ta’ Bus Rapid Transit – sistema b’rotot speċjali għal karozzi tal-linja. Hi opportunità li jekk użata tajjeb tista’ tagħti benefiċċji ambjentali sostanzjali.” ADPD -The Green Party.