ADPD b’talba biex titressaq mozzjoni biex il-President George Vella jitneħħa

Iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo talab biex titressaq mozzjoni fil-Parlament biex il-President George Vella jitneħħa (mozzjoni t’impeachment) wara li dan naqas li jiffirma il-liġi tal-IVF kif approvata mill-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar.
Carmel Cacopardo blog
F’post fuq il-blog tiegħu aktar kmieni illum, Cacopardo saħaq li l-Artiklu 72 tal-Kostituzzjoni jitlob li “Meta jkun hemm liġi li tiġi ppresentata lil President għal kunsens tieħu, dan għandu jagħmel dan mingħajr dewmien.”
Il-liġi kif approvata ilha għand il-President għal numru ta’ ġranet u l-President Vella għadu ma tax il-kunsens tiegħu kif inhu obbligat li jagħmel.
Dan in-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-President “mingħajr dewmien” huwa bi ksur ċar tar-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu.
F’dikjarazzjonijet li għamel lil media fil-ġranet li għaddew jidher ċar li Dr George Vella mhuwiex lest li jgħatti il-kunsens tiegħu għal liġi tal-IVF kif approvata. Dan huwa assolutament inaċċettabbli u jmur kontra ir-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu bħala President tar-Repubblika.
Cacopardo saħaq li membru parlamentari f’isem ADPD kien ikun diġà ressaq mozzjoni biex jitneħħa Dr George Vella mill-kariga ta’ President tar-Repubblika (mozzjoni t’impeachment) fin-nuqqas tiegħu li jeżerċita ir-responsabbiltajiet Kostituzzjonali tiegħu “mingħajr dewmien”.
Sfortunatament mhemm l-ebda Membru Parlament tal-ADPD minħabba is-sistema elettorali diskriminatorja u li dwarha l-ADPD-The Green Party fetħet kawża fil-qrati tagħna.