ADPD – The Green Party jilqa’ l-pubblikazzjoni tad-dokument dwar l-iżvilupp reġjonali ta’ Għawdex – The Gozo Regional Development Strategy.
Iċ-Chairperson u kandidata għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD – The Green Party qalet:”Mill-ewwel osservazzjonijiet tagħna tal-istrateġija jidher li d-dokument jikkonferma dak li aħna ilna nisħqu fuqu s-snin. Jikkonferma li hemm bżonn riforma tal-pjanijiet lokali, f’dal-każ dak ta’ Għawdex. Hemm bżonn li jitreġġa lura l-pjan ta’ razzjonalizazzjoni tal-2006 u li bla wisq dewmien ikun introdott moratorju fuq proġetti kbar ta’ bini residenzjali. Il-fatt li r-rapport taċ-ċensiment dwar il-propjetà residenzjali juri ċar li 45% tal-propjetà residenzjali f’Għawdex hi vojta inkella rari użata għandu jixgħel il-bozza l-ħamra tal-awtoritajiet regolatorji. Il-fatt li s’issa jidher li din il-bozza l-ħamra għad ma nxtegħlitx juri bla dubju li l-awtoritajiet regolatorji mhux jaħdmu kif meħtieġ. Irridu naraw sforz lejn pedestrijanizazzjoni fl-irħula, fejn il-pjazez jingħataw lura lin-nies.”
“Jekk ma jittieħdux dawn id-deċiżjonijiet allura r-riskju hu li l-proposti validi li hemm fl-istrateġija jibqgħu, għal darb’oħra, fuq il-karta. Hemm bżonn investiment serju fi trasport nadif, bħal pedelecs. Dan ifisser toroq aktar sikuri li jaqdu verament il-ħtiġijiet tan-nies. Jidher ukoll li l-Gvern ġie fi kliemna u nduna li l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex ma jagħmilx sens, iżid it-traffiku u t-tniġġis f’Għawdex u jrendi lil Għawdex estensjoni ta’ Malta.”
Is-Segretarju Ġenerali u kandidat għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD – The Green Party, Ralph Cassar qal li jispera li l-Ministru Clint Camilleri għandu r-rieda u l-aptit politiku li jimbotta b’kemm għandu saħħa t-trasformazzjoni ekoloġika ta’ Għawdex ‘il quddiem.
“L-użu tat-teknoloġija fl-agrikultura hija sfida li teħtieġ ħafna taħriġ u attenzjoni għax mhux imdorrijin b’dit-tip ta’ teknoloġija f’qasam pjuttost tradizzjonali. Iżda hija sfida importanti li niffaċċjaw għal użu aħjar tar-riżorsi tal-ilma, u għal agrikultura aktar sostenibbli. Fl-industrija, għal trasformazzjoni vera u moderna tal-ekonomija Għawdxija hemm bżonn diġitalizazzjoni, ekonomija ċirkolari effettiva, effiċjenza fl-użu tal-enerġija u enerġija żero-karbonju, flimkien ma’ użu esklussiv ta’ teknoloġija ħadra.”
“Għawdex għandu jkun l-ewwel reġjun f’Malta li sas-sena 2030 jiġġenera l-elettriku kollu tiegħu minn sorsi rinovabbli ta’ enerġija. Dan mhux biss ifisser li Għawdex jilħaq il-miri ferm qabel Malta, imma li jinħoloq xogħol speċjalizzat fil-gżira.”
Jidher li l-Gvern beda sa fl-aħħar jitkellem bis-sens fuq pjanar serju. Hemm bżonn aktar dettalji u miri li jinżammu. Nistennew u naraw jekk mill-kliem il-Gvern hux se jgħaddi għall-fatti.