F’konferenza stampa quddiem l-uffiċċini ta’ Transport Malta f’Ħal Lija dalgħodu, kelliema ta’ ADPD-The Green Party saħqu li l-politika Maltija hija mnawwra bil-klijenteliżmu: politika bbażata fuq pjaċiri, flok politika bbażata fuq drittijiet. Bla mistħija ta’ xejn il-Prim Ministru Robert Abela, kif ukoll membri parlamentari u ministri Laburisti fuq il-ġurnali u bid-dikjarazzjonijiet tagħhom qed jippruvaw inaqqsu mis-serjetà tal-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan u jdawwru dak li huwa ċar li huwa klijenteliżmu sfrenat għal sempliċiment ‘li jkunu viċin in-nies’.
Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali u kandidat għall-Parlament Ewropew ta’ ADPD qal li: “Kieku qegħdin f’pajjiż normali, bi gvern u parlament li vera jridu jsaħħu d-demokrazija kieku ilhom li taru l-irjus, ibda mill-Ministru Ian Borg, u l-uffiċċjali kollha, inkluż tal-hekk imsejjħa ‘customer care’ tal-Ministeri involuti f’din il-konfoffa ta’ klijenteliżmu. Imma l-Gvern ta’ Abela jippreferi l-pjaciri, u mhux id-drittijiet. Irid imexxi bil-pjaciri u mhux billi jirrispetta d-drittijiet.”
“Dak li qabel kien isir bit-telefon issa qed isir bla mistħija ta’ xejn fuq ‘chats’ bħall-Whatsapp li b’xorti tajba spiċċaw f’idejn il-ġurnalisti li qed jikxfu l-maskra ta’ Abela u sħabu. Min irid sistema politika bbażata fuq is-sewwa u istituzzjonijiet u aġenziji tal-gvern li jitrattaw lil kulħadd l-istess ma jistax ma jkunx irrabjat b’dak li ġie irrappurtat kemm dwar il-liċenzji tas-sewqan, iżda wkoll dwar il-benefiċċji għal diżabilià severa, u anke dwar kif spiċċat s-saga tal-Airmalta. Il-ħolqa bejn dawn l-istejjer kollha hija l-klijenteliżmu li marrad pajjiż. Pajjiż immexxi bil-pjaċiri, u mhux b’rispett lejn id-dritt.”
“Il-fatt li l-Ministeri għandhom uffiċini għall-‘customer care’, kemm issa u anke fi żmien gvernijiet preċedenti, mimlija partitarji appuntati fis-segretarjati privati tal-Ministri juri biċ-ċar li s-sistema tal-klijenteliżmu ilha sew tnawwar is-sistema politika Maltija. Sistema ta’ patrunaġġ u nepotiżmu. Iċ-ċittadini mhux ‘klijenti’ – huma ċittadini li għandhom dritt għas-servizzi pubbliċi b’mod leġittimu u mhux permezz ta’ xi qaddis. Mhux xogħol il-Ministri li jkollhom ‘customer care’ – huma uffiċċjali tas-servizz pubbliku li għandhom jikkoordinaw u jwasslu s-servizzi pubbliċi liċ-ċittadini, mingħajr indħil partiġġjan.”
“In-nies hemm bżonn jifmhu li jekk jibqgħu ostaġġi tas-sistema ta’ klijenteliżmu perpetwata mill-PL u l-PN tul is-snin l-affarijiet mhux se jinbidlu. Ivvutaw differenti jekk tridu l-affarijiet jinbidlu. Hekk biss jifmhu l-partiti l-oħra. Rosianne Cutajar kellha raġun meta qalet, dwar sħabha, li kulħadd jitħanżer. Il-problema li hija kienet parti mill-problema wkoll, u ppruvat titħanżer hi ukoll,” ikkonkluda Cassar.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD u kandidat għall-Parlament Ewropew tal-partit Sandra Gauci qalet: “Il-Prim Ministru Robert Abela imissu jistħi jipprova jdawwar id-diskors dwar il-klijenteliżmu fil-liċenzji tas-sewqan billi jgħid li dak li ġara hija xi ħaġa normali. Robert Abela qed jipprova jinnormalizza l-klijenteliżmu minflok ibiddel is-sistema politika għal waħda fejn kulħadd hu itrattat l-istess. In-nies ma teħtieġx pjaciri, imma drittijiet.
“Id-diskors li sar fuq Whatsapp fost uffiċċjali ta’ Transport Malta, diversi persuni Laburisti fis-segretarjat tal-Ministeru tat-Trasport, il-Ministru Ian Borg, partitarji, delegati u canvassers Laburisti f’Transport Malta, l-Ministeru għal Għawdex, tat-Trasport u saħansitra fil-PBS u f’Kastilja jikkonferma iswed fuq l-abjad li hemm konfoffa sħiħa biex isiru l-pjaċiri bil-moħbi. Flok politika ibbażata fuq id-drittijiet għandna politika ibbażata fuq il-pjaċiri,” sostniet Gauci.
Gauci kompliet li frażijiet bħal ‘din ġiet mill-OPM’, ‘ħu ftit ħsiebhom’, ‘agħmel nota fejn ismu, tifhimni haha’, ‘żomm notebook għalhekk biss’ juru li dawk involuti kienu jafu sew li qed jagħmlu affarijiet li mhux suppost isiru. Jafu li qed jużaw l-influwenza politika tagħhom biex isiru l-pjaċiri. Huwa ta’ għajb li l-Prim Ministru jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel u ma jammettix li dan huwa klijenteliżmu: abbuż korrott tal-poter politiku. Hija insistiet li Robert Abela għandu s-saħħa li jbiddel il-mod kif issir il-politika iżda minflok jgħidilna li jrid iħalli kollox l-istess.
“Jidher li huwa aċċettabbli għal Robert Abela li nies li għadhom mhux kapaci jsuqu jkollhom liċenzja ta’ karozza! Ta’ min infakkru lill-Prim Ministru li karozza hija wkoll arma jekk użata b’mod mhux korrett. Infatti skont iċ-ċifri tal-NSO fl-2022 kellna 28 mewt fit-toroq, 19-il mewt aktar mis-sena ta’ qabel. Kellna wkoll 1,341 inċident li fih weġġgħu persuni. Mingħajr ma trid taħseb jekk xi wħud minn dawk l-imwiet u inċidenti humiex frott il-klijenteliżmu istituzzjonalizzat bil-barka tal-Prim Ministru,” konkludiet Gauci