L-istejjer li ħarġu fuq il-media f’dawn l-aħħar jiem dwar l-iskandlu tal-għajnuna soċjali għad-diżabilità jixkef il-kilba għall-poter tal-Parit Laburista.
L-investigazzjoni mill-Pulizija tat-Tabib Silvio Grixti u ir-riżenja immedjata tiegħu f’Diċembru 2021 tfisser lil-Pulizija sa dakinhar diġà kellhom ħjiel tal-iskandlu. Huwa ċar li Grixti irriżenja biex ineħħi l-attenzjoni minn fuq il-Partit Laburista u l-Gvern waqt il-kampanja elettorali.
Kemm kienu jafu informazzjoni l-Pulizija dakinhar? Għaliex ma bdewx jieħdu passi dakinhar stess? Riżultat ta’ dan il-fatt fih innifsu l-Pulizija spiċċat tipproteġi lill-Partit Laburista fl-eżerċizzju ta’ serq ta’ voti li jidher li sar fil-konfront ta’ 800 persuna u dan għax żammet skiet perfett u ma ħadet l-ebda passi sakemm għaddiet l-elezzjoni. Il-Korp tal-Pulizija wasal biex jipproteġi lil-Labour mill-impatti tal-ħmieġ tagħhom stess waqt il-kampanja elettorali.
Hi din il-kompliċità effettiva li għandha tkun investigata. Għax filwaqt li l-passi li qed jittieħdu illum jistgħu jkunu tajba, id-dewmien wassal biex ix-xiri tal-voti filfatt iseħħ.
L-investigazzjonijiet ta’ din il-konġura kriminali għandha ssir bir-reqqa u fid-dettall. Ir-rapporti tat-Times of Malta li xi benefiċċjarji tal-frodi qed jgħidu li kellhom ixaħħmu lil persuni qrib il-Partit Laburista, huwa tassew inkwetanti u diżgustanti.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci ikkonkludiet:”Il-mod kif ġraw l-affarijiet u l-ħabi tad-dettalji tal-każ għal sentejn sħaħ bilfors ikomplu jdaħħlu dubju dwar l-indipendenza tal-Korp tal-Pulizija. Min-naħa tagħna se nkomplu nsegwu l-iżviluppi f’dal-każ ta’ prattiċi korrotti elettorali, abbuż ta’ poter, korruzzjoni istituzzjonalizzata u ħasil ta’ flus, u se nibqgħu ninfurmaw lil sħabna tal-Partit tal-Ħodor Ewropej u tal-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew dwar ix-xenarju politiku korrott li qed noperaw fih hawn Malta.”
