ADPD issejjaħ għal azzjoni urġenti mill-gvern biex itaffi mill-impatt massiċċ fuq l-ekonomija Maltija tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna
“Biż-żidiet sfrenati fil-prezzijiet essenzjali li mistennija jkomplu fix-xhur li ġejjin minħabba l-impatt ekonomiku mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna Malta għandha tikseb sigurtà fil-ġenerazzjoni tal-enerġija f’pajjiżna billi żżid aktar investiment f’enerġija rinnovabbli, ġenerata lokalment. Barra minn hekk, speċjalment f’dawn iż-żmenijiet ta’ inċertezza kbira hemm il-ħtieġa li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja tingħata ukoll f’nofs is-sena”. Dan qaluh iż-żewġ kelliema ta’ ADPD – The Green Party – iċ-Chairperson Carmel Cacopardo u d-Deputat Segretarju Ġenerali Sandra Gauci f’konferenza stampa f’Ħal Qormi.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet li bħalissa kulħadd qed jinnota żieda fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali għall-ħajja. M’aħniex qed nitkellmu fuq kapriċċi imma neċessitajiet bħall-ikel. Kull xahar dan il-piż qed ikompli aktar jagħfas l-isfel lill-batut li l-uniku kapriċċ li baqagħlu hu li jitrejjaq. Imsieken min bil-paga minima jrid jipprova jkampa xahar sħiħ speċjalment dawk li għandhom xi allerġiji għal ikel partikolari jew dawk li għandhom trabi u tfal żgħar, meta l-prezzijiet ta’ affarijiet bħal ħrieqi u trab tal-ħalib komplew jisparaw ‘l fuq. Filwaqt li l-gvern ma għandux kontroll dwar x’jiġri barra minn Malta, iva għandu kontroll dwar x’jiġri Malta.
L-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna kompliet tagħfas il-morsa fuq ċertu produtturi li mhux dejjem possibbli għalihom li jgħaddu ż-żidiet fl-ispejjeż lill-konsumatur. Kumpaniji li l-produzzjoni tagħhom tiddependi fuq l-użu tal-qamħ u ż-żejt tal-ikel intlaqtu ħażin ukoll. Barra minn hekk, xi pajjizi qegħdin jaħżnu dak li s-soltu kienu jesportaw peress li ħadd ma jaf kemm dan il-kunflitt se jdum għaddej.
“Għalkemm il-gvern m’għandux kontroll dwar x’jiġri barra għandu l-obbligu li dak li jseħħ f’pajjiżna jitmexxa b’mod għaqli. L-ADPD titlob li speċjalment f’dawn iż-żmenijiet ta’ inċertezza kbira hemm il-ħtieġa li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja m’għandhiex toqgħod tistenna il-baġit ta’ kull sena imma għandha tingħata ukoll f’nofs is-sena u li jkun hemm ukoll reviżjoni mill-qiegħ dwar kif tkun ikkalkulata l-paga minima. Fuq kollox irridu paga diċenti bi dritt, u mhux il-manna mis-sema fil-forma taċ-ċekkijiet waqt kampanja elettorali. Il-gvern ġdid għandu juri li bil-fatti huwa gvern li jisma’ u jwettaq dawn il-miżuri hekk kif jitlaqqa’ il-Parlament,” temmet tgħid Gauci.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal li anke minħabba s-sigurtà ta’ pajjiżna huwa importanti li jkollna l-akbar ammont ta’ enerġija, nadifa u rinovabbli, ġġenerata lokalment, u l-bqija mill-grid tal-Unjoni Ewropea.
“Il-gwerra ta’ Putin turina kemm hi urġenti l-indipendenza Ewropea fl-enerġija. Aħna lkoll affettwati mill-gwerra, u l-gwerra ta’ Putin turi li kwestjonijiet geo-politiċi għandhom effett negattiv kbir. Is-sovranita’ fl-enerġija ta’ pajjiżna għanda tiġi imħarsa u l-ADPD tingħaqad mal-appell tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u ninsistu li il-Kummissjoni Ewropea tgħaġġel il-proċess tal-bidla lejn enerġija mija fil-mija rinnovabbli. Qed nitilfu ħin prezzjuż,” insista Cacopardo.
“Hemm bżonn ukoll li inħarsu l-agrikoltura f’pajjiżna. Il-bdiewa laqqtuha waħda wara l-oħra. Mhux talli qegħdin kull ma jmur jintlaqtu ħażin mit-tibdil fil-klima talli rajna li art fertili ġiet issagrifikata għal infrastruttura tat-toroq bħal fil-każ tal-proġett tas-Central Link. Barra minn hekk, art agrikola qegħda tibda tintuża għal żvog rikreazzjonali li jkompli jnaqqas l-art ikkultivata għat-tkabbir tal-frott u l-ħxejjex. F’dawn iż-żmenijiet diffiċli huwa importanti li l-agrikoltura ġewwa pajjiżna tiġi mħarsa għaliex mingħajrha nbatu ħafna ilkoll”, temm jgħid Cacopardo.