ADPD -Konferenza f’ Jum il-Mara

08 ta’ Marzu, 2025, “Fit-taqlib li qed naraw dan l-aħħar speċjalment f’diversi pajjiżi nindunaw kemm id-drittijiet li nkunu rbaħna u drajna bihom jistgħujittieħdulna f’tebqa t’għajn. Huwa għalhekk li jiem bħal tal-lum – Jum il-Mara –  huwa tajjeb li nfakkruhom, mhux biss biex naraw fejn
wasalna u xi ksibna s’issa, imma wkoll x’jonqos li jsir. Dwar Malta u
s-sitwazzjoni tal-mara għad baqa ħafna xi jsir speċjalment dwar
il-ħarsien tagħha mill-vjolenza tal-ġeneru, id-differenza fil-pagi
(gender pay gap), is-saħħa riproduttiva u l-ħtieġa li jkollna aktar
nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà.” Dawn qaluh kelliema ta’
ADPD-The Green Party f’konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni ta’ Jum
il-Mara fil-Belt Valletta dalgħodu.

Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Dr. Melissa Bagley
qalet li l-pjaga tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru
għadha magħna, Dr. Bagley qalet li r-rapporti ta’ vjolenza domestika skont il-Eurostat huma ta’ 48.2% tat-total tal-każijiet stmati f’sena, l-ogħla rata ta’ rappurtaġġ fl-Unjoni Ewropea. Kompliet tgħid li din hija ċifra li turi li n-nies qegħdin jirrappurtaw aktar u li l-ħidma li saret biex il-vittmi jifmhu
l-ħtieġa li jirrappurtaw qegħda tagħti l-frott. Imma hemm bżonn ħafna
aktar xi jsir biex nipproteġu lill-vittmi tal-vjolenza domestika.
Bosta qed ikunu dawk li jisfaw vittmi imma jibqgħu bla ġustizzja.
Każijiet bħal ta’ Bernice Cassar ifakkruna kemm għadna lura milli
nipproteġu l-vittmi anke meta dawn ikunu għamlu r-rapporti kollha
f’waqthom u mxew kontinwament b’attenzjoni. Hemm ukoll il-każ ta’
Chantelle Chetcuti fejn l-allegat qattiel tagħha għadu jiġri
mas-saqajn u qiegħed jgħix ħajja normali qisu qatt ma ġara xejn,
b’periklu għal ħaddieħor.

Dr. Melissa Bagley fid-dikors tagħha itenni,

“Għandna bżonn ġustizzja li turi aktar snienha ma’ dawn il-qattiela u
tagħti aktar importanza lill-karbiet ta’ għajnuna u ‘l-ħajja
tal-vittmi. Il-vittma ta’ vjolenza teħtieġ network ta’ għajnuna aktar
b’saħħtu li jista’ jipproteġiha u li jħajjarha aktar kemm li
tirrapporta kif ukoll li titbiegħed malajr minn sitwazzjonijiet ta’
vjolenza. Hemm bżonn isir aktar investiment fix-xelters li jipproteġu
‘l-vittmi kif ukoll li jkollna sistema aktar iffokata biex tgħin
lill-vittma li ħafna drabi taħrab b’ta’ fuqha senduqha u mhux dejjem
ikollha aċċess għal dak kollu li tkun ħalliet warajha.”

Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party qalet li biex
il-mara f’pajjiżna tkun aktar imħarsa hemm bżonn ta’ viżjoni ċara dwar
dak li hemm bżonn, inkluż il-leġiżlazzjoni meħtiega. Il-parlament
għandu l-obbligu li jħares ‘il-vittmi. Hija staqsiet: kemm mill-membri
parlamentari jitkellmu dwar dan? Hija xi ħaġa li jiftakru fiha darba
fis-sena għax Jum il-Mara u mbagħad tintesa sakemm ma jkunx hemm xi
każ gravi? Hija staqsiet jekk il-fatt li kellna kwoti ta’ mekkaniżmu
tal-ġeneru għall-parlament għenx biex aktar jissemmew temi li għandhom
x’jaqsmu ma’ vjolenza domestika jew vjolenza a bażi ta’ ġeneru u temi
fuq is-saħħa riproduttiva tal-mara?

Hemm bżonn li n-nisa li hemm fil-parlament juru aktar ħeġġa biex
jitkellmu u jpoġġu aktar fuq quddiem problemi fejn ħafna drabi
l-vittmi jkunu nisa. L-iskop kollu ta’ mekkaniżmu ta’ diskriminazzjoni
kellu jservi mhux biss biex aktar nisa jsibu posthom fil-parlament,
imma, biex riżultat ta’ hekk temi li huma strettament relatati
mal-benesseri tan-nisa jingħataw aktar importanza fil-ħidma
parlamentari. Imma milli rajna s’issa dan ma sarx. It-top-up ta’ sitt
nisa fuq kull naħa tal-Parlament mhux biss ma għenx biex ikollna aktar
temi femminili fuq l-aġenda imma lanqas biss ingħataw
responsabbiltajiet la fil-parlament u lanqas fil-kabinett. Mela allura
x’kien l-iskop? Għax ċertament ma kienx hemm bżonn il-mekkanizmu biex
ikun hemm min isaħħan is-siġġu, għax hemm biżżejjed minnhom
fil-Parlament!

Għandna bzonn iktar nisa fil-Parlament. Imma l-mekkanizmu tal-ġeneru
m’għandux jibqa’ mfassal b’mod li trid tkun bilfors kandidat mal-PN
jew PL biex dan japplika. Għandu jkun japplika għall-partiti politici
kollha. Hu għalhekk ukoll li aħna bdejna kawża kostituzzjonali dwar
id-diskriminazzjoni li hemm fil-liġi elettorali. Nhar it-Tnejn li ġej
din il-kawża tibda tinstema’ fl-appell.

Il-ħidma tagħna mhiex se tieqaf sakemm kull mara jkollha l-ispazju
kollu meħtieġ għaliha biex tista’ taħdem daqs, kemm u fejn tixtieq,
temmet tgħid Sandra Gauci.