ADPD – L-Avukat Ġenerali għandha tirreżenja

“L-istituzzjonijiet li jħarsuna ġustament jistennew ir-rispett ta’ kull wieħed u waħda minna. Waħedha toħroġ il-mistoqsija, imma,  dwar kif tista’ tirrispetta istituzzjoni li flok ma tiddefendi lis-soċjetà timminha b’mod kontinwu.” Dan qalu Carmel Cacopardo Chairperson ta’ ADPD – The Green Party huwa u jindirizza konferenza stampa l-belt Valletta flimkien ma’ Sandra Gauci Deputat Chairperson tal-Partit.
Sandra Gauci emfasizzat li kellna Avukat Ġenerali, Peter Grech, li ħa nagħsa twila b’mod li Malta kienet l-unika pajjiż li, mhux biss ma ħax passi dwar il-Panama Papers imma ukoll ta’ ċans lill-kriminali jnaddfu s-servers tagħhom mill-evidenza krininali tal-ħasil ta’ flus. Dan meta żamm lill-Pulizija milli jagħmlu raid fl-uffiċini tan-Nexia BT.
Illum kompliet tgħid Gauci, b’Victoria Buttiġieġ bħala Avukat Ġenerali għaddejna minn ġot-taġen għal ġon-nar. Din il-ġimgħa kellna l-Uffiċċju tal-Avukat Generali fl-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena meta l-prosekuzzjoni imexxija mill-istess Uffiċċju naqqset li tesibixxi dokumentazzjoni kompluta  dwar Mandat ta’ Arrest Ewropew li filfatt wassal għall-kollass ta’ proċeduri ta’ estradizzjoni kontra raġel imfittex fl-Italja b’rabta ma’ traffikar ta’ droga.
Kellna ukoll l-akkużi kontra żewġ avukati akkużati b’tixħim tal-ġurnalista Ivan Martin li dwaru l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali konvenjentement ħa żball elementari fl-artiklu li ċċitat bħala akkuża bir-riżultat li rabtet idejn il-Qorti li kellha bilfors tilliberhom.
L-Avukat Ġenerali kienet ukoll responsabbli biex kriminal jitnaqqsulu akkużi ta’ attentat ta’ qtil ta’ membri tal-korp tal-Pulizija biex weħel sentenza ta’ priġunerija mnaqqsa bil-kundizzjoni li jixhed biex jikxef lil kull min kien involut fil-holdup tal-HSBC. Imma dan spiċċa xorta ma xehed xejn u għadu jgawdi mis-sentenza ta’ priġunerija imnaqqsa.
Ma kienx ta’ b’xejn lil-Kamra tal-Avukati kienet insistiet li ma kienx jagħmel sens li Victoria Buttigieg tinħatar Avukat Ġenerali in vista tal-fatt li ma kellha l-ebda esperjenza fil-kamp kriminali. Il-frejjeġ li qed isiru taħt id-direzzjoni tagħha jixhdu kemm qatt ma kellha tinħatar.
Wasal iż-żmien, li wara li jiżen dan kollu l-Parlament jitlob ir-riżenja ta’ Victoria Buttiġieġ minn Avukat Ġenerali, u jekk ma tirreżenjax minn jeddha għandu jneħħiha, ikkonkludiet Sandra Gauci.
L-istituzzjonijiet għandna nħalluhom jaħdmu imma jridu jaħdmu fl-interess tal-pajjiż mhux biex jiddefendu klikek kriminali, qal Carmel Cacopardo. Il-ħidma tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tul dawn l-aħħar xhur, b’mod partikolari hi ta’ thassib kbir li min qiegħed hemm biex jassigura li jsir il-ħaqq qed jispiċċa minflok jostakolah. Xahar ilu l-Union tal-Pulizija kienet talbet għar-riżenja ta’ Victoria Buttiġieg minn Avukat Ġenerali wara li hi tat il-barka biex kriminal magħruf jitnaqqsulu akkużi t’omiċidju bl-iskuża li kien ser jikxef lil min kien involut fil-hold-up tal-HSBC. Il-kriminal spiċċa b’sentenza ferm inqas imma baqa’ ma kixef xejn.
Buttiġieg mhux biss ma irriżenjatx minn Avukat Ġenerali imma baqgħet għaddejja minn froġa għall-oħra. Hu l-waqt li jintervjeni l-Parlament biex ineħħiha u minnflok jaħtar lil xi ħaddieħor li ma jħammrilniex wiċċna ikkonkluda Cacopardo.