“Uffiċjali bħalma huma dak ta’ l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika m’għandhomx jintużgħu bħala ballun politiku. Hemm bżonn li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u li l-istituzzjonijiet inħarsuhom bis-serjeta’.” Dan qaluh Carmel Cacopardo Chairperson flimkien ma’ Brian Decelis uffiċjal għall-media ta’ ADPD – The Green Party huma u jindirizzaw konferenza stampa quddiem Kastilja is-Sibt filgħodu.
Brian Decelis spjega kif l-Ombudsman ilu madwar sena li indika li ma xtaqx li t-terminu tiegħu fil-ħatra jiġġedded imma l-Gvern u l-Opposizzjoni għad ma rnexxielhomx jaqblu dwar min għandu jinħatar floku. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikun hemm bżonn li jinħatar Kummissarju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika wara li Dr George Hyzler ġie maħtur bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
It-trasparenza, il-kontabbilita u governanza tajba għandhom ikunu s-sisien ta’ kif titħaddem il-politika f’pajjiżna. Dawn iż-żewġ karigi flimkien ma’ dak tal-Awditur Ġenerali huma essenzjali biex ikun assigurat li dawn il-valuri ta’ importanza bażika għal kull demokrazija jrabbu għeruq fondi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.
Madankollu dawn il-karigi spiċċaw f’ballun politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u persuni ġodda f’dawn il-karigi importanti fl-infrastruttura demokratika ta’ pajjiżna għadhom ma nħatrux. Nistaqsu kemm ser idumu biex jinħatru persuni validi f’dawn il-karigi. Il-pajjiż ma jistax jibqa’ jistenna l-logħob politiku bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni, ikkonkluda Brian Decelis.
Carmel Cacopardo fakkar kif l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) iktar kmieni din il-ġimgħa ippubblikat tlett rapporti dwar l-integrita’ fil-ħajja pubblika f’Malta. L-ewwel rapport saħaq fuq il-ħtieġa li l-leġislazzjoni eżistenti tiġi imsaħħa filwaqt li t-tieni wieħed stħarreġ il-bidliet meħtieġa fi ħdan l-Uffiċċju għall-iStandards fil-Ħajja Pubblika biex dan ikun iktar effettiv. It-tielet rapport jelenka numru ta’ rakkomandazzjonijiet dwar ir-regolamentazzjoni tal-‘lobbying’.
Dwar il-lobbying – li huwa parti mill-proċess demokratiku – għidna kemm il-darba li dan għandu jkun wieħed trasparenti. Madankollu, minkejja li kien il-Kummissarju dwar l-iStandards stess li ħareġ proposti għal konsultazzjoni madwar sentejn ilu baqa’ ma sar xejn. U dan mhux kumbinazzjoni għaliex mhuwiex fl-interess taż-żewġ partiti fil-parlament!
Filfatt it-tlett rapporti tal-OECD jinkludu 71 rakkomandazzjoni li ħafna minnhom diġa issemmew fid-diskussjoni pubblika li ilha għaddejja dwar it-trasparenza, l-kontabilità u l-governanza tajba.
L-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika qegħdin jagħmlu xogħol siewi ħafna imma ħafna drabi isibu tfixkil meta ma jirċevux l-informazzjoni li huma jkunu jeħtieġu fil-qadi ta’ dmirijiethom.
“Sfortunatament li jkollna il-liġijiet u karigi pubbliċi intiżi biex isaħħu l-integrità fil-ħajja pubblika mhuwiex biżżejjed jekk ma jkunx hemm ir-rieda politika biex l-għanijiet li għalihom dawn jitwaqqfu jitweqqu fil-prattika. Is-serjeta’ u l-indafa fil-politika għandna niġġieldu għalihom kuljum,” ikkonkluda Cacopardo.