Mario Mallia, Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party issottometta l-veduti tal-partit dwar il-Malta Labour Migration Policy, liema konsultazzjoni għalqet ‘il-bieraħ.
Fir-reazzjoni ta’ ADPD għall-Malta Migration Policy, ADPD tixtieq tgħid dan li ġej:
1. Tħoss li dan l-isforz kien ilu li wasal żmienu. Huwa nkwetanti li l-gvern dam iktar minn għaxar snin biex irrealizza l-bżonn li dan is-settur jiġi regolat. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni wassal għall-isfruttament ta’ ħafna ħaddiema b’xi wħud jispiċċaw saħansitra ttraffikati. Konsegwenza serja oħra hija li xiref rasu sentiment ta’ razziżmu li jwaħħal f’dawk sfruttati flok min
qed jisfrutthom. Li ħallejna dan l-isfruttament għaddej biex nissodisfaw mudell ekonomiku bbażat fuq iċ-cheap labour, tibqa’ tebgħa fuq il-kuxjenza nazzjonali. Policy bħal din għandha tgħin biex din it-tebgħa tibda’ tiġi indirizzata.
2. Filwaqt li taqbel mal-erba’ prinċipji li l-policy hija bbażata fuqhom, tħoss li l-prinċipju ta’ ġustizzja mal-ħaddiema u l-ħarisien tad-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema kellha tingħata l-ewwel prijorità li minnha joħorgu l-prinċipji l-oħra. Huwa permezz ta’ jeddijiet imħarsa li tista’ tiġi garantita l-istabbiltà fil-qasam, u fl-istess waqt ikollna ħaddiema kemm għandna bżonn. Huwa permezz ta’ jeddijiet imħarsa li nħajru u nagħmluha possibbli lill-ħaddiema barranin li jitħarrgu fil-ħiliet tagħhom.
3. Il-ġustizzja titlob li ħaddiema immigranti li fittxew l-ażil u li ilhom hawn Malta snin sħaħ frott ta’ burokrazija, jew diffikultajiet fil-pajjiż nattiv tagħhom, fost raġunijiet oħra, għandhom jingħataw id-dritt li jibqgħu Malta. Dawn il-persuni taw u qed jagħtu sehmhom f’ Malta għal żmien twil, u m’ghandhomx ikunu ppenalizzati għal dewmien li ma kellhomx kontroll fuqu. Għaldaqstant, naqblu ma rakomandazzjoni 12 imma nħeggu li din tiġi estiża anke għal dawn il-ħaddiema li m’għandhomx partner Malti jew li għandhom ulied taħt it-23 sena.
4. Naqblu mal-proposti li permezz tagħhom, in-numru ta’ ħaddiema barranin jiġi kkontrollat skont kemm hemm bżonn ħaddiema. Dan għandu jnaqqas mill-abbuż sfaċċat ta’ xi wħud li mlew is-suq tax-xogħol b’ħaddiema li pajjiżna ma kellux bżonn, biex jużaw lil dawn il-ħaddiema u jarmuhom kif jaqbel lilhom.
5. Taqbel li min iħaddem għandu l-ewwel jimpjega ħaddiema Maltin u mill-Unjoni Ewropea. Dan jiżgura li ħaddiema minn pajjizi terzi (TCN) li jiġu mpjegati wara, jingħataw l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol għall-istess xogħol li jsir mill-Maltin. Dan ukoll hu prinċipju bażiku: l-istess ħlas għal xogħol identiku, irrispettivament min-nazzjonalità tieghek. Hekk, il-prinċipju tal-valur tas-suq għal xogħol partikolari jkun jgħodd għall-ħaddiema kollha fuq il-prinċipju daqstant importanti ta’ Equal Pay for Equal Work.
6. Taqbel li l-ħaddiema TCN ma jibqgħux jitħallsu fuq l-idejn imma permezz ta’ versament tal-paga tagħhom f’kont bankarju. Madanakollu, tħoss li l-gvern għandu jintervjeni mal-banek sabiex jitħaffef il-proċess li permezz tiegħu jkun jista’ jinfetaħ kont bankarju. Dan fil-kuntest tal-fatt li l-banek qed jieħdu wisq żmien sabiex jiftħu kontijiet personali.
7. Taqbel ma’ diversi miżuri msemmija bħaż-żieda taż-żmien biex ħaddiema TCN ikunu jistgħu jsibu xogħol ieħor, kif ukoll maż-żieda tal-kuntratt tax-xogħol minn sena għal sentejn. Dan tal-aħħar għandu jnaqqas mill-burokrazija u l-ispejjeż għal kulħadd, filwaqt li jinċentiva kuntratti tax-xogħol itwal biex tiġi garantita iktar stabbiltà kemm ghall-ħaddiema kif ukoll għall-azjenda li tħaddimhom.
8. Huwa tajjeb li l-policy tiffoka fuq il-bżonn tal-infurzar. ADPD-The Green Party tħoss li din il-policy tista’ tkun effettiva biss jekk kemm-il darba l-infurzar ta’ dak li qed jiġi propost ikun serju u skjett. Għadaqstant, ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-gvern li isem dawk li jabbużaw mill-ħaddiema m’għandux jissemma pubblikament (name and shame). Fil-kuntest ta’ abbuż li numru ta’ ħaddiema barranin qed jigu esposti għalih, miżura bħal din għandha tnaffar lil min ikompli jipprova jħaxxen il-but tiegħu a skaptu tal-ħaddiema impjegati miegħu, kemm Maltin kif ukoll barranin.
9. L-inklużjoni tat-trade unions u r-rwol tagħhom biex jitħarsu l-interessi tal-ħaddiema TCN huwa krucjali.
10. Taqbel mal-bżonn li ħaddiema TCN jintalbu sabiex jitħarrġu bħala parti ntegrali mill-permess biex jaħdmu. ADPD tħoss li dawn il-ħaddiema għandu jkollhom il-possibbiltà sabiex it-taħriġ joħduh almenu b’mod parzjali mill-ħin tax-xogħol tagħhom bħal m’hija l-prassi għal ħaddiema maltin. Dan sabiex ma tagħmilhiex kważi impossibbli għal dawn il-ħaddiema li jlaħħqu ma’ ħajjithom, u mas-sens ta’ benesseri tagħhom, hekk kif ikunu qed jippruvaw isibu saqajhom f’pajjiż barrani. Taqbel li dan il-provvediment għandu jkun mgħejjun b’iktar inċentivi min-naħa tal-gvern. Dan jista’ jinkludi tnaqqis ulterjuri fil-ħlas minn min iħaddem, għat-tiġdid ta’ impjieg ta’ dawn il-ħaddiema TCN. Għandu jkun ukoll iffaċilitat l-għarfien ta’ taħriġ li dawn il-ħaddiema jkunu ħadu fil-pajjiż nattiv tagħhom.
11. Tħoss li din il-policy għandha titħaddem paripassu ma’ policies oħrajn, speċjalment dawk li jirrigwardaw aċċess, inkluzjoni u benesseri. F’dan il-proċess għandhom jiġu inklużi l-kunsilli lokali li huma l-iktar vicin dawn il-ħaddiema fil-komunitajiet fejn jgħixu. Dan billi kull bye-law jew inizjattiva tkun mainstreamed biex tilħaq ukoll lil dawn il-ħaddiema. Ħaddiema kuntenti b’ħajjithom li jħossuhom stmati huwa tajjeb għalihom u tajjeb għall-pajjiż li qed jagħmel użu mix-xogħol importanti tagħhom.
Mario Mallia
Deputat Segretarju Ġenerali
F’isem ADPD – The Green Party