ADPD – Malta Pride 2022: ugwaljanza – dejjem!

Waqt konferenza stampa qabel il-manifestazzjoni tal-Malta Pride 2022 fil-Belt Valletta, id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Sandra Gauci qalet: “Illum fl-okkażżjoni tal-Malta Pride 2022, aħna ta’ ADPD – The Green Party, intennu l-appoġġ li dejjem wrejna lejn il-komunità LGBTQI+.
 “Aħna nwegħdu li nkomplu naħdmu favur soċjetà aktar inklussiva fejn ħadd ma jħoss il-bżonn li jaħbi lilu nnifsu u dak li hu verament. Saru ħafna liġijiet u bidliet pożittivi, però irridu nammettu li l-mentalità għadha lura u li l-ġlieda favur l-inklussività hija battalja ta’ kuljum li tintrebaħ biss b’aktar għarfien, u aktar edukazzjoni.”
 “Il-liġijiet li hemm fuq il-karta jridu jiġu pprattikati u dan b’aktar rappreżentazzjoni u viżibilità tal-komunità LGBTQI+  f’kull settur tas-soċjetà u f’kull xogħol mingħajr preġudizzju. Il-libertà li tesprimi lilek innifsek m’għandhiex tkun lussu jew xi ħaġa li ssir bil-moħbi jew bil-ħabi imma xi ħaga li ssir fid-dawl tax-xemx mingħajr ma ħadd jiġġudika jew jipponta sebgħu.”
“Jawguraw tajjeb il-bidliet li saru riċentement fejn irġiel gay u bisesswali ikunu jistgħu jagħtu d-demm bl-istess kundizzjonijiet ta’ rġiel eterosesswali. Din il-bidla riċenti turi li għad baqa ċertu preġudizzju u li fis-sena 2022 sibna l-kapaċità li nirrikonoxxu li din kienet diskriminazzjoni bla ebda bażi ibbażata fuq il-preġudizzju u l-injoranza.”
“Din hija rebħa oħra mill-ħafna battalji li għad baqa’ li jintrebħu mill-komunità LGBTQI+ fosthom GU clinic attrezzata u mediċinali bħal PREP  li jkun disponibbli dejjem, għax milli jgħidulna, spiss ikunu out of stock. Tajjeb ukoll li s-servizzi fil-gender clinic għal persuni trans u non-binary u li twaqqfet ftit ilu jkomplu jisaħħu .”
“Nikkonkludi billi nkompli nisħaq l-appoġġ tagħna lejn il-komunità LGBTQI+ u ngħidulkom li aħna dejjem magħkom għaliex fid-diversità pajjiż jikber, bl-inkluzjoni pajjiz jimmatura.”
Dr Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party tkellem dwar l-importanza tal-ugwaljanza fis-soċjetà.
“Irridu naħdmu ta’ kuljum favur l-ugwaljanza u l-inklussività f’kull settur tas-soċjetà. Studju wara ieħor juru li l-inugwaljanza toħloq problem fuq ħafna livelli, minn żieda fil-faqar sa żieda fl-inċidenza ta’ problemi fis-saħħa mentali. Il-benesseri soċjali minn naħa l-oħra, tiżdied f’soċjetajiet aktar ugwali. Meta kulħadd iħossu milqugħ u rispettat fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-komunitajiet tagħna, is-soċjetà tgawdi minn livell ogħla ta’ edukazzjoni, aktar involviment fil-komunità u f’attivitajiet li jsaħħuha, aktar mobilità soċjali, anqas problem ta’ saħħa, u anqas inċidenza ta’ vjolenza minn dik f’soċjetajiet inugwali.”
 Dr Cassar sostna li “l-ugwaljanza hija ta’ benefiċċju għal kulħadd, u lill’hinn mil-liġijiet irridu nibqgħu niġġieldu l-attitudnijiet u r-retorika li tiżra’ l-mibgħeda, li teskludi u li tkisser il-ħajjiet tal-individwi. Dak li tiżra’ taħsad. Mela ejjew niżirgħu l-imħabba, l-inklużjoni, il-ferħ u l-koeżjoni soċjali. L-ugwaljanza hija neċessarja għal soċjetà b’saħħitha – dejjem.”

 

<iframe src=”https://www.facebook.com/plugins/video.php?height=314&href=https%3A%2F%2Fwww.facebook.com%2Fadpdmt%2Fvideos%2F3216995258567953%2F&show_text=false&width=560&t=0″ width=”560″ height=”314″ style=”border:none;overflow:hidden” scrolling=”no” frameborder=”0″ allowfullscreen=”true” allow=”autoplay; clipboard-write; encrypted-media; picture-in-picture; web-share” allowFullScreen=”true”></iframe>