ADPD – Trid tara biex temmen

Huwa ta’ sodisfazzjon li min juża r-rota bħala mezz ta’ trasport, grazzi għall-ħidma tal-attivisti, issa għandhom l-impenn tal-Ministru Aaron Farrugia għal rotot sikuri f’żoni urbani. Din tidher li hija bidla mill-mentalità ostili kontra mezzi bħal roti, pedelecs u scooters, kif ukoll kontra n-nies li jużaw it-toroq tagħna, attitudni mħaddna kemm mill-Ministru tat-Trasport ta’ qabel, Ian Borg, kif ukoll mill-istess ministru li għadna illum.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party, Ralph Cassar, qal:” Ma tridx tkun xi profeta, biex kif konna għidna aħna, u oħrajn, fosthom attivisti u esperti, tinduna li l-proġetti massiċċi ta’ toroq huma politika falluta li minnha ibbenefikaw biss il-ftit kuntratturi involuti. Tberbiq ta’ flus bla riżultati tanġibbli.”
“Issa li għandna dan l-impenn tal-Ministru favur rotot sikuri għal min jrid juża mezzi alternattivi ta’ trasport, nittamaw li dan il-proġett jiġi esegwit bl-istess ħeġġa, impenn u fondi neċessarji bħal dawk il-proġetti favur il-karozzi li ma wassluna imkien.”
“Proġetti ta’ mobilità alternattiva serji ifissru li jkun hemm allokazzjoni akbar tat-toroq għal mezzi li jħallu inqas impatt u huma aktar nodfa, bħar-roti, pedelecs, scooters, imma anke għan-nies. Żgur li ma jfissrux li kollox jibqa’ kif inhu, u li l-ispazju għall-karozzi jibqa’ l-istess. Lanqas ma jfisser li jittieħdu spazji miftuħa eżistenti. Hemm biżżejjed spazju diġà fit-toroq eżistenti.”
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo qal:“Nittamaw li jitqabbdu konsultenti u inġiniera esperti fil-mobilità ta’ esperjenza u li l-għaqda li taħdem għal min juża’ r-rota u stakeholders oħra jkunu involuti sa minn kmieni fit-tfassil ta’ kull rotta. Nisperaw ukoll kun meta jkun hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet li jagħtu prijorità fit-toroq lil min jimxi, ċiklisti, scooters u trasport pubbliku, Aaron Farrugia u l-Gvern iżommu kelmithom u ma’ jbiddlux id-diska biex jingħoġbu mas-sezzjoni storbjuża tal-elettorat.”
“Insostnu wkoll li konnessjonijiet sikuri tal-inqas mill-bliet u rħula tal-madwar lejn skejjel post-sekondarji, u l-kampus tal-MCAST u dak tal-Università ta’ Malta għandhom ikunu prijorità. We also feel that a major priority should be connecting post-secondary institutions, MCAST and the University of Malta campuses, at least to the surrounding towns. Huwa wkoll pertinenti li niġbdu l-attenzjoni tal-Ministru, li minkejja s-suppost konverżjoni tiegħu favur mobilità sostenibbli, fil-każ tal-proġett ta’ flyovers fl-Imsida, għal darba oħra l-prijorità qed tingħata lill-karozzi privati, u mhux lit-trasport pubbliku u lill-mezzi alternattivi ta’ trasport.”
“Wara snin twal ta’ populiżmu kontra s-sostenibilità u favur it-tniġġis, ikollna ngħidu li bħal San Tumas, ‘trid tara biex temmen’!”