ADPD – Wegħdiet fiergħa ta’ qabel l-elezzjoni għal ħaddiema ta’ l-Airmalta jisfaw fix-xejn

Huwa ċar kristall li l-Partit Laburista jara l-politika bħala logħba li fiha huwa permess li tidħaq bin-nies f’wiċċhom biex tikseb l-appoġġ tagħhom. Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo fi stqarrija dwar il-manuvri li qed isiru fl-Air Malta bħalissa.

Issa huwa fatt magħruf li l-Partit Laburista fil-Gvern kien qiegħed jipprepara għall-possibiltà tal-għeluq tal-Air Malta, avolja qabel l-elezzjoni ta’ Marzu tal-2022, ftit xhur ilu, il-ħaddiema tal-Air Malta ġew imwegħda li l-kumpanija se tkompli topera u li l-ħaddiema “żejda” ser ikunu trasferiti mas-settur pubbliku bl-istess pagi u kundizzjonijiet. Wegħda li hu ċar li ma tistax titwettaq għax toħloq problemi kbar fis-settur pubbliku minħabba differenzi sostanzjali fil-pagi u l-benefiċċji applikabbli. L-istess programm elettorali tal-Partit Laburista jgħid fuq paġna 222 tiegħu li nbeda ‘proċess sabiex l-Air Malta tkompli topera u sservi l-oġġettivi strateġiċi tagħha b’ħarsien tar-regolamenti Ewropej’. Rapporti fl-istampa matul din il-ġimgħa juru li dan kien kollu daħq fil-wiċċ, u kliem fieragħ. Il-Partit Laburista jipprova jidħaq bik f’wiċċek.

Dan hu kollu riżultat tal-klijenteliżmu politiku sfaċċat ipprattikat fl-Air Malta tul is-snin sa mit-twaqqif tagħha. Pjan strateġiku wieħed wara l-ieħor kollha fallew għax qatt ma kien hemm ir-rieda politika li l-Air Malta titħalla topera mingħajr indħil politiku. Dan wassal għar-rimi ta’ miljuni ta’ euro f’”għajnuna” lill-kumpanija Air Malta li fil-prattika fissru iffinanzjar tal-klijenteliżmu li kisser lill-istess kumpanija. Dan jgħodd ukoll għall-ammonti esaġerati ta’ flus imwiegħda lil min jirriżenja mill-kumpanija issa. Dawn il-flejjes huma serq mit-taxxi li nħallsu lkoll kemm aħna. Huma tberbieq ta’ fondi pubbliċi biex jagħmlu tajjeb għal wegħdiet elettorali li marru żmerċ.

Il-qagħda attwali tal-Air Malta hi l-ikbar monument għall-kljenteliżmu politiku li ilu jirrenja fil-pajjiż. Ta’ dan jaħtu kemm il-Partit Laburista li hu fil-Gvern illum kif ukoll il-Partit Nazzjonalista li kellu l-opportunità li jirranġa l-affarijiet u naqas milli jagħmel dan u minflok ipprova jaħleb hu ukoll.

Għandna storja twila ta’ gvernijiet u politiċi li jitkellmu fuq il-governanza tajba, imma mbagħad jipprattikaw il-politika ta’ klijenteliżmu sfaċċat:  kollox biex jinxtraw il-voti.

Għalhekk ngħidulhom PLPN għax fuq dawn l-affarijiet jaqblu bejniethom. Flimkien il-PLPN huma kompliċi fil-qerda tal-Air Malta ikkonkluda Cacopardo.