Aġġornament fuq il-Kawża b’Allegazzjonijiet dwar Promozzjoni ta’ Terapija ta’ Konverżjoni

Nhar it-Tlieta, 30 ta’ April 2025, instemgħet seduta oħra fil-kawża li nfetħet kontra Mario Camilleri u Rita Bonnici minn PMnews Malta, flimkien ma’ Matthew Grech, li jinsabu akkużati mill-Pulizija b’allegazzjoni li kissru l-liġi li tipprojbixxi l-promozzjoni tat-terapija ta’ konverżjoni.
Il-każ beda minħabba programm li xxandar fuq PMnews fl-2022, fejn Matthew Grech kien mistieden għal diskussjoni “Live“. Ir-rapporti relatati ma’ dan il-programm ġew imressqa fl-2022, u l-akkużi uffiċjali ġew imressqa mill-Pulizija fil-bidu tal-2023.
F’din is-seduta, l-avukata Dr Jeanise Dalli, li qed tirrapreżenta lil Matthew Grech, enfasizzat quddiem il-Qorti li kien hemm xi żbalji fit-traskrizzjoni tax-xhieda ta’ Dr. Mike Davidson – xhieda li kienet saret f’seduta preċedenti. L-Avukata Dalli talbet lill-Qorti sabiex dan id-dokument jiġi rivedut, minħabba li fih punti kruċjali li għandhom ikunu preċiżi. Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat li jerġa’ jinstema’ dak li ġie rrekordjat sabiex, jekk hemm bżonn, isiru l-korrezzjonijiet meħtieġa.
Minn naħa tagħhom, il-ġurnalisti ta’ PMnews Malta li qed jiġu rrappreżentati mill-Avukat Dr Conrad Borg Manche`, ma żiedu ebda prova jew xhieda f’din is-seduta.
Is-seduta li jmiss hija skedata għas-16 ta’ Lulju 2025 fis-12:45pm, u fejn ser jiġu preżentati l-aħħar sottomissjonijiet għat-trattazzjoni hekk kif il-kawża waslet fil-proċess finali. Din il-kawża kellha oriġinarjament titmexxa bħala waħda sommarja, iżda minħabba diversi ċirkostanzi issa daħlet fit-tielet sena tagħha.
Wieħed jistenna li fix-xhur li ġejjin, tingħata s-sentenza minn Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Monica Vella.
PMnews Malta ser tkompli tipprovdi aġġornamenti lill-pubbliku.

 

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *