Aktar investiment fl-edukazzjoni marittima

Waqt żjara li għamel il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ġewwa l-Istitut Internazzjonali għal-Liġi Marittima (IMLI), huwa segwa mill-qrib il-potenzjal li għandu pajjiżna u l-impenn li għandu l-Gvern favur l-edukazzjoni marittima u l-kooperazzjoni internazzjonali.​​

Fl-istess żjara il-ministru ħabbar għajnuna finanzjarja akbar għall-IMLI sas-sena 2028, bħala estensjoni tal-ftehim oriġinali ffirmat mal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f’Mejju tal-1988. Din l-għajnuna tinkludi allokazzjoni ta’ darba għar-rinnovazzjoni tal-binja tal-IMLI ġewwa l-Campus tal-Università, sabiex isiru tiswijiet essenzjali u jiġu aġġornati l-faċilitajiet eżistenti.

Waqt lecture li ta lil grupp ta’ studenti internazzjoni, il-Ministru Bonett saħaq kif l-investiment kontinwu fl-infrastruttura marittima ħalla l-frott, tant li  Malta llum hija leader globali f’dan il-qasam, bl-akbar reġistru tal-bastimenti fl-Ewropa u s-sitt wieħed fid-dinja. Malta hija wkoll l-ewwel fid-dinja għar-reġistrazzjoni tas-superyachts.

“Is-settur marittimu huwa pilastru tal-ekonomija tagħna u sors ta’ kburija nazzjonali. Permezz ta’ policies li jħarsu ‘l quddiem u żvilupp infrastrutturali sostenibbli bħal dak tal-Onshore-Power-Supply (OPS), Malta mhux biss żammet il-pożizzjoni tagħha iżda saret ukoll mudell ta’ eċċellenza marittima. Is-suċċess tar-reġistru tagħna huwa prova ċara tal-kollaborazzjoni eċċellenti bejn il-gvern u l-privat,” qal il-ministru.

Huwa tenna l-impenn ta’ Malta li tappoġġja lill-IMLI fil-missjoni tagħha li teduka ġenerazzjoni ġdida ta’ avukati marittimi internazzjonali. Huwa enfasizza l-importanza li jinżammu istituzzjonijiet bħal l-IMLI ġewwa Malta, b’kontribut dirett għat-tmexxija marittima internazzjonali t’għada u għall-iżvilupp sostenibbli. “Billi nibqgħu nappoġġjaw dan l-istitut, mhux biss qed ninvestu fil-futur ta’ Malta, iżda wkoll fil-komunità marittima globali,” temm jgħid il-Ministru Chris Bonett.

Il-Gvern Malti jibqa’ impenjat biex joħloq ambjent ta’ eċċellenza akkademika u ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fis-settur marittimu.