Anqas nies fuq id-dipendenza soċjali.

Studju dwar l-iskema tat-tapering tal-benefiċċji wera kif l-iskema irdoppjat il-possibilità li l-benefiċjarji soċjali jsibu mpjieg u l-aktar li gawdew f’dan ir-rigward kienu ġenituri weħidhom mhux miżżewġa. Il-benefiċjarji Għawdxin kienu fost l-aktar li rnexxielhom isibu opportunitajiet ta’ xogħol. L-istudju twettaq minn ekonomista tal-Bank Ċentrali, Kurt Sant, bħala parti mit-teżi tiegħu sabiex jikseb il-grad ta’ Masters mill-Università Vrije ta’ Amsterdam. L-iskema tat-tapering kienet waħda mill-miżuri ewlenin fil-pakkett preżentat fl-2014 biex aktar persuni jinfatmu mid-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali.  Kienet tfasslet biex persuni li għal xi snin kienu jserrħu fuq il-benefiċċji jiġu inkorraġġuti jsibu mpjieg u minflok jitilfu mal-ewwel il-benefiċċji li kienu ntitolati għalihom dawn jitnaqqsulhom b’mod gradwali fuq medda ta’ tliet snin.  Ir-rata tat-tnaqqis fl-ewwel sena tkun ta’ 65% tal-benefiċċju, 45% fit-tieni sena u ta’ 25% fit-tielet sena. Tul it-tliet snin, min iħaddem jieħu 25% tal-benefiċċju.
Fl-ewwel sena tal-iskema madwar 500 persuna bbenefikaw minn dan l-inċentiv. L-għadd tagħhom kompla jikber fis-snin ta’ wara sakemm laħaq l-ogħla livell fl-2017 b’2,600 benefiċjarju. Is-Sur Sant qatta’ ħames xħur minn din is-sena jirriċerka r-riżultati miksuba mill-iskema. Fi preżentazzjoni li għamel dwar il-konklużjonijiet tal-istudju tiegħu, is-Sur Sant stqarr li bla dubju l-iskema kienet waħda ta’ suċċess mhux biss għax il-benefiċċjarji tbiegħdu mid-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali iżda għaliex fil-maġġoranza tagħhom baqgħu fid-dinja tax-xogħol anke wara li għaddew it-tliet snin tal-iskema. Huwa qal li fattur ewlieni tas-suċċess kien il-mod kif tfasslet l-iskema li ffokat l-aktar fuq dik il-faxxa ta’ persuni li għal żmien twil kienu jiddependu fuq il-benefiċċji.  Huwa spjega li għalkemm it-tkabbir ekonomiku flimkien mal-iskema taċ-childcare mingħajr ħlas u inċentivi fiskali għenu biex tingħata spinta, l-iskema kif imfassla xorta waħda kienet tħalli effett pożittiv anke mingħajr dawn il-fatturi. Anke meta wieħed jifli r-riżultati miksuba f’pajjiżi oħra fi skemi simili l-impatt ta’ dik Maltija kien aktar pożittiv. L-istudju sab li l-iskema kellha anqas effett fost benefiċjarji fuq l-assistenza soċjali l-aktar għal fatt li fosthom hemm persuni li minkejja l-inċentivi li toffri l-iskema, minħabba kundizzjonijiet ta’ mard u diffikultajiet oħra, xorta waħda mhux faċli għalihom li jimpjegaw irwieħom.
Punt interessanti li ħareġ mir-riċerka kien li l-iskema għenet mhux biss nies li seta ma kellhomx ħiliet biżżejjed biex je​għlbu l-ostakli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol iżda wkoll nies tekniċi u professjonali li għalkemm b’edukazzjoni tajba seta’ ma kellhomx il-ħiliet fit-teknoloġija diġitali li titlob id-dinja tax-xogħol illum. L-istudju sab li minkejja li persuni li kienu jaħdmu għal rashom isibuha diffiċli biex jintqatgħu mill-benefiċċji u jsibu impjieg, l-iskema għenet b’mod qawwi biex dawn il-persuni mhux biss jidħlu mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol iżda wkoll jibqgħu fl-impjieg. Fl-istudju tiegħu, is-Sur Sant għamel diversi osservazzjonijiet kif l-iskema tista tibqa’ aġġornata biex tkompli tattira benefiċjarji.  Fost punti oħra, huwa semma l-fatt li fost ġenituri waħidhom mhux miżżewwġa  hemm persentaġġ minhom li jieqfu mix-xogħol wara li jintemm it-terminu tal-iskema.  Fl-isfond ta’ dan huwa ssuġġerixxa li għal din il-faxxa ta’ benefiċjarji t-terminu tal-iskema jitwal b’sena oħra.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li l-Gvern se jibqa’ kommess sabiex jsaħħaħ is-suq tax-xogħol, illi joffri opportunitajiet aħjar u fuq kollox iżomm bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. “Dan huwa gvern sensittiv li jifhem u jindirizza r-realtajiet tan-nies. Ser nibqgħu nħossu l-polz tal-poplu u naġġustaw il-politika tagħna skont ir-realtajiet tal-ġurnata. Soċjetà b’saħħitha hija dik li tindirizza l-bżonnijiet anke ta’ dawk l-iċken minoritajiet fis-soċjetà tagħna”, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.