Appoġġ finanzjarju lill każini tal-banda biex jinvestu fiż-żgħażagħ

Aktar minn 130 organizzazzjoni madwar Malta u Għawdex ibbenefikaw minn investiment ta’ aktar minn €370,000 sabiex isaħħu l-ħidma tagħhom maż-żgħażagħ u joħolqu inizjattivi ġodda li jġibu bidla sostanzjali fil-komunità. Dan tħabbar waqt ċerimonja organizzata minn Agenzija Żgħażagħ fejn is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti indirizza lill-parteċipanti u faħħar il-kontribut essenzjali tal-organizzazzjonijiet volontarji.​​

Il-Grand Award Ceremony għall-Fondi BOOST u Musical Tuition for Young People in Band Clubs kienet okkażjoni li fakkret l-impenn qawwi tal-Gvern Malti biex jibqa’ jinvesti fiż-żgħażagħ u fil-komunitajiet lokali. Din saret fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, u l-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Dr Noel Camilleri.

F’din iċ-ċerimonja ġew imħabbra l-benefiċjarji ta’ żewġ skemi ta’ fondi ewlenin: BOOST, li allokat aktar minn €290,000 lil 101 organizzazzjoni taż-żgħażagħ, u Musical Tuition for Young People in Band Clubs, li permezz tagħha tqassmu aktar minn €80,000 lil 33 każin tal-banda madwar Malta u Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal, “Meta nitkellmu fuq il-futur ta’ pajjiżna, ma nistgħux ma nitkellmux fuq iż-żgħażagħ. Il-futur jinbena pass pass bi proġetti konkreti u b’investiment f’dawk li għandhom il-potenzjal li jmexxuh ‘il quddiem. Dan mhux biss investiment finanzjarju, dan huwa investiment politiku fil-valuri li nemmnu fihom: solidarjetà, parteċipazzjoni, inklużjoni u sostenibbiltà.”

Min-naħa tagħha, Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, faħħret l-impenn li qed juri l-Gvern biex jagħmel dawn il-fondi aktar aċċessibbli u bla burokrazija żejda. “Il-proċess ta’ applikazzjoni huwa mfassal biex jirrispetta r-realtajiet ta’ min jaħdem fil-komunità. Aħna nemmnu f’finanzjament li jagħmilha aktar faċli, mhux aktar ikkumplikata,” tenniet is-sinjura Teuma.

Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, qal li, “Dan l-appoġġ mhux biss jgħin biex niżguraw futur b’saħħtu għall-mużika banda, iżda jkompli jrawwem iż-żgħażagħ tagħna fil-valuri tal-kultura, dixxiplina u komunità. Il-każini tal-banda għandhom rwol ċentrali fil-formazzjoni edukattiva u soċjali taż-żgħażagħ, u dan il-finanzjament jagħtina l-mezzi biex inkomplu nagħmlu dan b’mod sostenibbli u professjonali.”

Fost l-organizzazzjonijiet li se jibbenefikaw mill-finanzjament hemm dawk li qed jiżviluppaw inizjattivi b’potenzjal li jbiddlu l-ħajja taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom – inizjattivi li jkabbru l-parteċipazzjoni demokratika, iħeġġu ċ-ċittadinanza attiva u jsaħħu l-għarfien kulturali u soċjali.

Din iċ-ċerimonja kienet xhieda oħra tal-wegħda li l-Gvern ħa fil-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ sal-2030, li mhux biss tibqa’ miktuba fuq karta iżda titwettaq bil-fatti u bl-għemejjel.