Arnold Cassola b’ittra lill Kummisjoni Elettorali

Ittra indirizzata lill-Kummissarju Elettorali minn Profs.Cassola

F’ittra indirizzata lill-Kummissarju Elettorali Profs.Cassola kandidat li ħareg fuq l-10 u 11-il distrett għall l-Elezzjoni Generali 2022 qasam it-tħassib tiegħu rigward diversi punti u talab sabiex dawn l-affarijiet  jiġu rranġati minnufih.

Huwa qal li ma jistax ikun li fil-perjodu bejn elezzjonijiet il-partiti ż-żgħar u l-indipendenti jinżammu totalment fid-dlam dwar x’ikun għaddej fil-Kummissjoni fejn ta’ eżempju rigward l-miżuri anti-covid.

“Jiena għamilt xhur nitlobkom update ta’ x’kien qed jiġi diskuss mal-PN u l-PL dwar dan. U l-unika risposta li tagħtuni li qed isiru diskusjonijiet. Kelli mmur għand il-Kummissarju EU Rynders u kellha tkun leak fil-press biex fl-aħħar insiru nafu x’kien qed jiġi diskuss u deċiż.” semma Cassola. Fuq dan ir-rigward talab lill Kummisjoni sabiex jsiru laqgħat b’updates mal-partit ż-żgħar u l-indipendenti bejn ż-żamma ta’ elezzjonijiet biex huma jagħtu l-kontribut tagħhom għad-diskussjonijiet.

It-tieni punt li qajjem kien li kull min qed jieħu sehem f’elezzjoni għandu bi dritt, u mhux b’konċessjoni, ikollu aċċess għalih u għar-rappreżentanti tiegħu għall-intern tas-sala, bħala ko-aġġudikaturi. “Aħna qed nieħdu sehem, bħall-PN u PL, f’tellieqa elettorali li tibda minn zero għal kulħadd. U allura, l-partiti ż-żgħar u l-indipendenti m’għandhomx jiġu ttrattati ta’ tallaba għal dak li għandu jkun tagħhom bi dritt.
Minimu bażiku li wieħed għandu jitlaq minnu huwa rappreżentant għal kull distrett li jkun qed jikkontesta kandidat indipendenti + il-kandidat. Il-partiti ż-żgħar, li jkollhom aktar kandidati, jiżdidulhom ir-rappreżentanti.” enfasiżża Cassola.

Fl-ittra kiteb ukoll fuq il-problemi li kien hemm ġewwa s-sala tal-għadd ghal kandidati indipendenti kif ukoll għall partiti z-zgħar.

Huwa kiteb kif ħassewom umiljati  l-partiti ż-żgħar u l-indipendenti li ma ġewx ipprovduti bil-password għall-wifi mill-Kummissjoni Elettorali ġewwa s-sala tal-għadd. “X’qed tippretendu? Li aħna ninqatgħu mill-bqija tad-dinja, mill-press u mill-opinjoni pubblika għal ġurnata sħiħa? Għandu jiġi żgurat li fl-elezzjoni li jmiss, il-password jingħata lil kulħadd.” tenna Cassola

Żied billi qal li kien umiljanti, anti-demokratiku u anti-trasparenza li l-Kummissjoni Elettorali għall-bidu bdiet tirrifjuta li tagħtina kopja tar-riżultati ta’ distretti elettorali, li kienu ġa ngħataw lill-PN u lill-PL.” Dana għaliex? Huwa xi sigriet riżultat li ġa ngħata lill-PL u lill-PL?” staqsa Cassola.

“Dan l-atteġġament fil-konfront tagħna, partiti żgħar u indipendenti, ma jwassal għal xejn ħlief għal diskussjonijiet u tensjonijiet inutli. U r-riżultat ikun li bniedem bħali, li mhux lest joqgħod għal dan l-atteġġament tipiku ta’ baruni fewdali, jaqbad u jaħtaf il-karti mill-mejda, kif fil-fatt għamilt.”

Huwa ssuġġerixxa li għall-elezzjoni li jmiss jinbnew xi 4 toilets fl-intern tas-sala tal-għadd għaliex kienet ridikola li wiehed irid jgħaddi minn 6 checkpoints, inklużi metal detectors, biex wieħed imur jaqdi l-bżonnijiet fiżjoloġiċi.

Cassola rrimarka li jkun tajjeb li l-atteġġament ġenerali tal-Kummissjoni fil-konfront tal-partiti ż-żgħar u l-indipendenti jkun daqsxejn aktar “relaxed”.

“Aħna mhux qegħdin hemm biex inkunu ttollerati u biex tħarsu lejna b’suspett. Kulma rridu huwa li tittrattawna bħala kompetituri ugwali għall-PN u l-PL. Xejn inqas u xejn aktar. Fil-fehma umli tiegħi, l-Kummissjoni elettorali trid tneħħi s-suġġezzjoni li għandha miż-żewġ partiti.
Il-fatt li nnominawkom il-PN u l-PL ma jfissix li għandkom tirriżervawlhom trattament speċjali.
Żewġ inċidenti personali” jgħid Cassola.

Fl-aħħar huwa għamel riferenza għal żewġ inċidenti li kien involut fihom hu stess.

Huwa jgħid li meta kien qed jiddiskuti mal Kummisjoni għaliex ma ridux jagħtuh kopja tar-riżultati ġa stampati, tfaċċa wieħed tal-IDOX u qallu “to shut up”.
“Tal-IDOX qegħdin hemm biex jagħmlu xogħol relatat mal-iscanning u t-tħaddim tajjeb tal-computers.
Ara ma jażżardax darb’oħra jerġa’ jiġi jindaħal xi ħadd tal-IDOX, li ma għandu l-ebda idea x’ikunu għaddejjin minnu kandidati u partiti żgħar bit-trattament inugwali tal-Kummissjoni Elettorali.” kompla Cassola

L-aħħar punt li semma’ kien meta mar jiġbor ir-riżultati tal-10 u l-11-il distrett, wieħed mill-Kummissjonarji, fil-preżenza tas-Sur Camilleri indirizza lill Profs. Cassola u qallu: “M’ghamiltx sew qabel, itlaq minn hawn, mhux qed nikkalkulak, għandna xogħol x’nagħmlu”.

Ghaldaqstant Cassola temm l-ittra tiegħu fejn talab lis-Sur Camilleri jwiddeb lil dan il-Kummissjonarju li ma għandu qatt jindirizza lill-ebda persuna b’dan il-mod.

“Tajjeb li tfakkru li l-fatt li l-PN jew il-PL innominawh Kummissarju Elettorali ma jfissirx li sar Gran Alla.
U li tittratta kull uman ieħor b’rispett u dinjita’, irrispettivament mill-istatus tiegħu, huwa sinjal sabiħ ta’ ċiviltà.” temm l-ittra Cassola.

Min jixtieq jagħmel kuntatt magħna jista’ jibagħat email fuq : [email protected]