Bħala parti mill-ħidma marbuta ma’ operazzjonijiet tal-pulizija u forzi tal-ordni oħra fil-lokalitajiet fl-aħħar jiem kienu kkordinati titjiriet biex persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment ma jibqgħux f’pajjiżna. Fl-operazzjonijiet tal-aħħar ġimgħat kienu arrestati 208 persuni li nstabu jgħixu f’Malta illegalment bin-nazzjonalitajiet tagħhom li kienu minn diversi pajjiżi Afrikani, Ażjatiċi, mil-Lvant tal-Ewropa, u mill-Amerka t’Isfel.
Minnufih beda x-xogħol biex dawn il-persuni ma jibqgħux f’Malta. 184 persuna diġà ma għadhomx f’pajjiżna u l-ħidma għadha għaddejja b’rabta mal-kumplament tal-persuni. Fl-aħħar ġimgħat din il-ħidma kkordinata tat attenzjoni partikolari lil Raħal Ġdid, il-Fgura, il-Marsa, il-Ħamrun, Ħ’Attard, Buġibba, San Pawl il-Baħar u Għawdex. Fl-istess ħidma kien identifikat allegat ksur ta’ liġi ieħor tant li persuni tressqu l-qorti. Din il-ħidma kontinwa fil-qalba tal-lokalitajiet hi parti minn strateġija maħsuba bil-għan li jkollna lokalitajiet iktar siguri fejn jintbagħat messaġġ ċar li l-ksur tal-liġi ma għandux ikun ittollerat. Lanqas hu ttollerat li l-istatus irregolari ta’ persuni fostna jwassal biex huma jkunu sfruttati u għalhekk ittieħdu passi li jwasslu dan il-messaġġ ċar.