Kompliet il-ħidma kkordinata mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza bl-għan li tkun assigurata l-osservanza tal-liġijiet u li l-lokalitajiet tagħna jibqgħu siguri.
F’operazzjoni mwettqa fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija flimkien mas-Servizz tad-Detenzjoni u d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali, għamlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet tal-Marsa, il-Ħamrun, u Ħ’Attard. Dan ukoll bħala parti minn ħidma ma’ taqta’ xejn kontra l-immigrazzjoni irregolari.
Fil-fatt, tkellmu ma’ diversi nies ta’ nazzjonalitajiet differenti fi spezzjonijiet li saru fit-toroq, bus stops, kif ukoll binjiet. F’dawn il-binjiet instab li qed jgħixu għadd ta’ persuni ta’ nazzjonalità barranija, f’kundizzjonijiet ħziena u mingħajr permess li jkunu f’pajjiżna.
Meta l-Pulizija analizzat jekk, fost oħrajn, il-persuni għandhomx id-dokumentazzjoni meħtieġa biex ikunu f’Malta, arrestat 40 persuna li kienu qed jgħixu f’pajjiżna b’mod illegali u minnufih inbeda l-proċess sabiex dawn il-persuni ma jibqgħux f’pajjiżna.
L-awtoritajiet se jkunu qed jinvestigaw ukoll is-sidien tal-postijiet fejn jgħixu dawn il-persuni.
Din il-ħidma tingħaqad ma’ operazzjonijiet simili li jsiru b’mod konsistenti ta’ kull ġimgħa u għandha l-għan li tibgħat messaġġ ċar – li l-komunitajiet tagħna jħaddnu l-prinċipju tal-osservanza tal-liġijiet biex min jgħix fihom iħossu dejjem sigur.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri qal li “Fil-ġimgħat li ġejjin din il-ħidma se tissokta u tissaħħaħ, u ser ikunu qed ikomplu jsiru għadd ta’ operazzjonijiet simili madwar il-pajjiż, kif ukoll f’Għawdex. Dan sabiex l-awtoritajiet ikomplu jiġġieldu l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali, bħala parti minn strateġija mibnija fuq il-prevenzjoni, ir-ritorn, u r-rilokazzjoni.”