Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, żar l-Awtorità tal-Artijiet fil-Berġa tal-Baviera, il-Belt Valletta sabiex josserva mill-qrib il-proċess ta’ skannjar u diġitalizzazzjoni tad-dokumenti amministrattivi u reġistrazzjonijiet tal-artijiet.
Dan il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni beda f’April tal-2022 bħala parti minn sforz wiesa’ biex titjieb l-effiċjenza operattiva u jitnaqqsu l-proċeduri burokratiċi għall-benefiċċju tal-pubbliku. Sa issa ġew skannjati u ssiġillati madwar 53,000 file, dan ifisser li aktar minn terz mid-dokumenti ġew diġitalizzati b’suċċess. Bejn Frar 2024 u Frar 2025, ġew skannjati 23,000 file – progress sostanzjali b’żieda ta’ 9,000 file fuq l-ammont tas-sena ta’ qabel.
Il-proċess ta’ skannjar se jkompli għaddej fuq madwar 100,000 file li ħafna minnhom se jiġu skannjati għal skop ta’ konservazzjoni ta’ dokumenti u arkivjar aħjar. Dawn id-dokumenti jmorru lura sa mill-bidu tad-Dipartiment tal-Artijiet. Illum bil-proċess tal-applikazzjonijiet online, il-files qed ikunu diġitali mill-bidu.
Il-Ministru enfasizza li l-Awtorità qed tagħmel investiment sostanzjali f’sistemi teknoloġiċi aktar avvanzati li se jgħinu biex jitħaffef il-proċess u joffru servizz aktar effiċjenti, sigur, u trasparenti.
“Din l-inizjattiva ta’ diġitalizzazzjoni hi pass importanti ħafna biex inkomplu ntejbu s-servizzi tagħna lill-pubbliku. Aħna determinati li nwettqu l-investimenti neċessarji biex niffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi, naħdmu b’mod aktar effettiv u fl-istess ħin inżidu t-trasparenza u l-aċċessibbiltà għaċ-ċittadini u l-professjonisti kollha,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Il-proċess ta’ skannjar huwa wieħed minn diversi inizjattivi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-servizzi pubbliċi tal-pajjiż f’kull qasam tal-amministrazzjoni pubblika.