Kritika inġusta f’ittra miftuħa tal-FKNK indirizzata kontra pubblikazzjoni minn awtur indipendenti
BirdLife Malta temmen li huwa l-obbligu tas-setturi edukattivi kollha li jħejju lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna biex japprezzaw is-sbuħija tan-natura u b’hekk jidentifikaw dak li huwa ta’ dannu għall-ambjent naturali.
Fi żmien meta kulħadd madwar id-dinja qed jirrikonoxxi l-importanza linħarsu lin-natura għax din għandha rabta mill-qrib mal-benesseri tagħna stess bħala bnedmin, l-iskejjel għandhom rwol importanti x’jaqdu biex itejbu l-għarfien tat-tfal dwar in-natura. It-tfal m’għandhomx jiġu mċaħħda mis-sewwa magħruf li parti mill-attività tal-bniedem hija ta’ detrimentgħan-natura. Eżempji ta’ dan huma l-użu tal-plastik li jintuża darba u l-problemi li jikkawża meta ma jiġix mormi kif suppost, u l-ħsara li jikkawżaw il-vetturi li jaħdmu bil-fjuwil bit-tniġġis tal-arja. L-istess jgħodd għall-kaċċa insostenibbli tal-għasafar jew il-qbid ta’ kull annimal ieħor fin-natura. Ma nistgħux inċaħħdu lit-tagħlim minn dak li huwa fatt ċar. Hu rilevanti li nenfasizzaw li llum huma ħafna dawk li jħaddnu l-istess valuri ta’ BirdLife Malta, inkluż l-awtur tal-pubblikazzjoni edukattiva Teleskopju. Din mhijiex waħda mill-pubblikazzjonijiet ta’ BirdLife Malta u lanqas mhi parti mis-sillabu fl-iskejjel tal-istat. L-għalliema, madanakollu, xorta waħda jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe ktieb li jiltaqgħu miegħu biex jgħinhom jilħqu l-miri tal-kurrikulu. Il-kritika indirizzata lejn din il-pubblikazzjoni mill-għaqda tal-kaċċaturi hija inġusta minħabba li d-domanda li tpoġġiet hija waħda miftuħa li tinstiga lit-tfal jiktbu u jiddiskutu dak li verament jaħsbu. Dan hu l-mod modern tat-tagħlim, fejn it-tfal jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet, il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħhom. BirdLife Malta għandha fiduċja sħiħa fl-għalliema li bil-ħiliet u l-esperjenza tagħhom kapaċi jiffaċilitaw diskussjoni ta’ dan it-tip mingħajr l-ebda ħtieġa ta’ ġudizzju. BirdLife Malta hija pijunier fil-qasam tal-edukazzjoni ambjentali, u llum hi kburija li tifforma parti minn moviment lokali aktar wiesa’ li jinkludi awturi indipendenti, pubblikaturi u eNGOs oħrajn li jippermettu lit-tfal jesperjenzaw u jesploraw in-natura waqt li jaċċertaw li t-tfal jifhmu l-importanza li jieħdu ħsiebha.
Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil:
Nathaniel Attard
BirdLife Malta Communications Manager
Tel: 2134 7645/6 Ext. 512
Cell: 9947 4705
Email: [email protected]