Birdlife Malta -Tajr tal-priża segwit bil-GPS jisparixxi hekk kif jasal Malta.

Astun Iswed mir-Repubblika Ċeka, Kuċċarda meħlusa wara
riabilitazzjoni u Ajkla tat-Tikek b’ċurkett tal-kulur fost
l-għasafar li kienu qed jiġu studjati li sparixxew fuq Malta
fl-aħħar jiem, hekk kif il-kaċċa illegali fuq l-art u mill-baħar
tkompli tħalli l-effett tagħha fuq speċi protetti
Hekk kif l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa qed ikompli, issa anke bil-ftuħ ta’
staġun tal-kaċċa fuq il-baħar mill-1 ta’ Ottubru, tagħrif miġbur minn
BirdLife Malta fl-aħħar jiem jindika persekuzzjoni kontinwa u bla limitu fil-
konfront ta’ speċi li jgawdu protezzjoni għolja kemm mill-art kif ukoll fuq il-
baħar, fl-istess ħin li r-riżorsi marbutin mal-infurzar mhux qegħdin ilaħħqu
mar-rapporti li qed jidħlu. Fost l-ispeċi li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali
fl-aħħar ġimagħtejn hemm Ajkli tat-Tikek, Ajkla Bajda, Ċikonji Suwed,
Astuni Suwed u Kuċċard.
Fl-aktar każ riċenti li jkompli juri b’mod ċar l-impatt internazzjonali li l-
istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa li għaddej bħalissa qed ikollu fuq speċi Ewropej,
Astun Iswed li faqqas fir-Repubblika Ċeka li kien qed jiġi segwit bil-GPS ma
baqax jittrażmetti wara li passa lejn Malta. L-għasfur, bil-kodiċi OT-093,
kien wieħed minn żewġ Astuni Suwed frieħ li ġew salvati mill-bejta qrib il-
belt ta’ Ostrava fil-Grigal tar-Repubblika Ċeka, wara li ġew abbandunati
mill-ġenituri. Dilettant lokali salvahom u ħadhom f’ċentru tas-salvataġġ,
fejn ġew imrobbija sakemm laħqu l-età li jtajru. Aktar tard tpoġġew f’bejta
ta’ żewġt ifrieħ oħra fix-Xlokk tar-Repubblika Ċeka, bl-erbat ifrieħ kollha
jitwaħħlulhom GPS transmitters li jaħdmu bl-enerġija mix-xemx sabiex
tkun tista’ tiġi studjata l-passa tagħhom mill-Università tax-Xjenzi
Veterinarji ta’ Brno.
OT-093 beda l-vjaġġ tal-passa tiegħu fit-23 ta’ Settembru fid-direzzjoni tal-
Lbiċ lejn l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovenja, il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-
Kroazja. Qasam il-Baħar Adrijatiku fid-29 ta’ Settembru u baqa’ jtir fid-
direzzjoni tan-Nofsinhar sal-aħħar lejl tiegħu fin-naħa t’isfel ta’ Sqallija fit-2
ta’ Ottubru. Fit-3 ta’ Ottubru kompla fid-direzzjoni tan-Nofsinhar fi triqtu
lejn Malta, u tar minn fuq Għawdex fis-2:30pm, sakemm siegħa wara wasal
fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli, fejn niżel biex jorqod fis-siġar fil-
Fawwara. L-għada filgħodu t-trażmissjoni waqfet ħesrem.
Dan hu t-tieni każ f’ġimgħa ta’ għasfur li kien qed jiġi segwit u li sparixxa
f’Malta. Aktar kmieni nhar it-Tnejn, Kuċċarda li kienet waslet Malta fil-15
ta’ Settembru għajjiena mejta mill-vjaġġ tal-passa tagħha u spiċċat
f’appartament f’Tal-Pietà, inħelset lura fin-natura fuq Kemmuna, wara
perjodu qasir ta’ riabilitazzjoni f’idejn BirdLife Malta li matulu ħadet lura
saħħitha biex tkun tista’ tkompli tpassi. Malli nħelset fit-2 ta’ Ottubru, it-
tajra taret fid-direzzjoni tan-Nofsinhar lejn il-Buskett, u kompliet nieżla
aktar ’l isfel waranofsinhar, sakemm waqfet tittrażmetti għall-ħabta tal-
4:30pm fil-limiti ta’ Birżebbuġa. Fiż-żewġ każi t-trackers li kellhom l-
għasafar jidher li ġew meqruda malli l-għasafar inqatlu.
Il-ħidma ta’ konservazzjoni min-naħa tal-istaff ta’ BirdLife Malta,
birdwatchers u voluntieri biex nippruvaw nipproteġu speċi bħal dawn
matul l-aħħar jiem kienet biċċa xogħol iebsa. Dan minħabba l-passa tajba li
kien hawn ta’ speċi rari ta’ għasafar li normalment jispiċċaw fil-mira tal-
kaċċa illegali għal skopijiet ta’ bbalzmar, bħalma huma Ċikonji Suwed u
Bojod, u diversi speċi ta’ ajkli – l-Ajkla tal-Kalzetti, l-Ajkla Bajda u l-Ajkla
tat-Tikek. Timijiet ta’ voluntieri li kienu qed jipparteċipaw fir-Raptor Camp
annwali tagħna kellhom rwol importanti fis-sorveljanza tal-movimenti ta’
għasfar rari bħal dawn – ħafna drabi jassistu tim wieħed biss ta’ pulizija
assenjat fuq każi ta’ illegalitajiet tal-kaċċa.
Għall-bidu, pereżempju, l-isforzi tagħna biex insegwu Ajkla Bajda kienu
suċċess, b’għasfur wieħed jirnexxilu jkampa żewġt iljieli f’Malta minkejja li
ppruvaw jisparaw fuqu. L-għasfur kompla jpassi minn fuq il-baħar fl-1 ta’
Ottubru, imma xorta spiċċa jiġi segwit minn dgħajsa bil-kaċċaturi, li ġew
iffilmjati jisparaw fuqu u jniżżluh bejn Malta u Filfla. Filmati ta’ dan il-każ
ġew mgħoddija lill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Korp tal-
Pulizija, u bdiet investigazzjoni biex jinqabdu s-suspettati.
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta Nicholas Barbara kkummenta:
“Huwa ċar li għaddej staġun miftuħ għal speċi li tipikament huma mfittxija
għall-kollezzjonijiet tal-ibbalzmar, u dan qed jiġri mhux biss fuq l-art imma
anke fuq il-baħar, hekk kif ħafna qed jieħdu vantaġġ mir-riżorsi dgħajfa tal-
pulizija fuq l-art, u n-nuqqas assolut ta’ riżorsi fuq il-baħar.”
L-istaġun tal-kaċċa fuq il-baħar ifisser aktar minn 290 kaċċatur liċenzjat fuq
id-dgħajjes biex jiġru wara l-għasafar tal-passa fuq baħar miftuħ 3 km ’il
barra mill-kosta. Proposta tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba
Konservazzjonisti (FKNK) li hemm quddiem il-Kumitat ORNIS li se jiltaqa’
għada, qed tipproponi li din id-distanza titnaqqas għal 1 km, biex il-
kaċċaturi jkunu jistgħu jersqu eqreb lejn il-kosta. Din hija mossa mhux
meħtieġa li twassal biss għall-qerda ta’ aktar għasafar protetti li forsi wara
li jkun irnexxielhom jeħilsuha mill-istaġun attwali tal-qtil tal-għasfar
f’Malta, jispiċċaw xorta waħda fil-mira tal-kaċċa anke fuq il-baħar, fejn l-
infurzar huwa aktar diffiċli.
L-inċident tal-Ajkla Bajda mhux każ iżolat, b’Ajkla tat-Tikek b’ċurkett tal-
kulur li dehret fuq il-Buskett nhar is-Sibt ukoll spiċċat maqtula fil-viċinanzi
wara li numru ta’ birdwatchers ippruvaw jieħdu ritratti taċ-ċurkett li kienet
liebsa sabiex tkun stabbilita l-oriġini tagħha. Sa issa l-ebda informazzjoni
dwar minn fejn oriġinat din l-ajkla mhi magħrufa.
BirdLife Malta tappella lill-pubbliku biex jersaq ’il quddiem b’kull tagħrif li
jista’ jkollu dwar inċidenti bħal dawn ħalli jassisti lill-pulizija fit-twettiq
tad-dmirijiet tagħhom fl-infurzar tal-illegalitajiet tal-kaċċa. Ir-rapporti
jistgħu jsiru bit-telefon lill-EPU fuq 119, u lilna fuq 2134 7645/7925 5697
jew permezz ta’ email lil [email protected].