F’dan iż-żmien tas-sena, il-frieħ ta’ wieħed mill-għasafar tal-baħar li jbejtu f’Malta – il-Garnija – ikunu qed iħallu l-bejta għal fuq il-baħar, fid-dalma tal-lejl. Madanakollu, dan l-ewwel vjaġġ għal dawn l-għasafar jaf ikun perikoluż. It-tniġġis mid-dawl tal-ibliet u l-irħula tagħna jwassal biex ħafna għasafar żgħar li jkunu qed itiru għall-ewwel darba lejn il-baħar jispiċċaw maqbudin fuq l-art.
BirdLife Malta qed tappella lill-pubbliku biex jgħin ħalli jiġu salvati dawn il-frieħ tal-għasafar tal-baħar. Mingħajr l-għajnuna tiegħek, ma jistgħu qatt jerġgħu jsibu triqithom lura lejn il-baħar.
It-tniġġis mid-dawl hu biss wieħed mill-ħafna diffikultajiet li jiffaċċjaw dawn l-għasafar misterjużi. Il-
proġett LIFE PanPuffinus! li għaddejja bih BirdLife Malta bħalissa qed jiffoka fuq żewġ perikli oħra li din l-ispeċi ta’ għasfur tal-baħar taħt theddida tiffaċċja; il-qbid bi żball f’tagħmir tas-sajd magħruf bħala bycatch u l-predazzjoni minn speċi invażivi.
Il-proġett qed jistudja żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar li huma endemiċi għall-Mediterran: il-Garnija (Puffinus yelkouan, Yelkouan Shearwater) u l-Garnija Balearika (Puffinus mauretanicus, Balearic Shearwater). Tal-ewwel biss tbejjet f’Malta.
Wara li l-frieħ tal-Garni jfaqqsu, il-ġenituri jieħdu ħsiebhom għal xejn inqas minn xahrejn fil-bejta li normalment tkun f’postijiet mudlama taħt l-art fl-irdumijiet tal-Gżejjer Maltin. F’sena kull par ikollu biss ferħ wieħed, li jirrifletti l-ħin u l-attenzjoni qawwija li din l-ispeċi tinvesti fiż-żgħar tagħha. Meta jaslu Ġunju jew Lulju, hekk kif il-ferħ ikun b’saħħtu biżżejjed, jasal il-mument meta lejl minnhom iħalli l-bejta biex itir għal fuq il-baħar. Din l-ewwel titjira jagħmilha matul il-lejl.
B’xorti ħażina jkun hemm każi meta din it-titjira tispiċċa ħażin. Xi wħud mill-frieħ jiġu attirati lejn id-dwal artifiċjali tal-kosta tagħna. Minflok itiru għal fuq il-baħar, itiru lejn dawn id-dwal bil-konsegwenza li jew jegħjew, inkella jaħbtu ma’ dak li jsibu quddiemhom. Meta jispiċċaw fuq l-art, jiġu f’riskju li jinqatlu mill-qtates jew il-klieb, inkella li jintlaqtu minn karozzi jew ibatu l-ġuħ u t-telf tal-ilma mill-ġisem.
Mingħajr l-għajnuna tiegħek, jekk jispiċċaw maqbudin fuq l-art, dawn il-frieħ ma jkunux kapaċi jsibu triqithom lura lejn il-baħar waħidhom u jispiċċaw imutu.Matul Lulju, kull min jinzerta f’xi post mal-kosta jista’ jsib wieħed minn dawn il-frieħ tal-Garnija ujassisti biex jiġi salvat. Jekk issib xi wieħed, jekk jogħġbok segwi dawn il-linji gwida:
Ċempel lil BirdLife Malta fuq 2134 7645/6 (ħinijiet tal-uffiċċju)/7925 5697 (filgħaxija u fil-
weekends) jew lill-pulizija fuq 119 mill-ewwel;
• Ħu nota kemm jista’ jkun preċiża tal-post fejn tkun sibt l-għasfur;
• Ersaq viċin l-għasfur minn wara. Iġbru bl-għajnuna ta’ ċaruta nadifa jew xugaman, żommlu
rasu u ara li l-ġwienaħ ikunu mitnija mal-bqija tal-ġisem;
• Poġġi l-għasfur f’kaxxa tal-kartun li minnha tgħaddi sew l-arja. Żomm il-kaxxa f’post fid-dlam
u ’l bogħod mis-sħana;
• Jekk ikun possibbli agħti ilma frisk lill-għasfur f’kontenitur fond. Jekk il-kaxxa tkun wieqfa, ħalli
l-kontenitur fejn l-għasfur ħalli jkun jista’ jixrob meta jrid. Tippruvax tisforza lill-għasfur jixrob;
• Tippruvax titma’ lill-għasfur.
Kull għasfur li jiġi salvat jittieħed għand veterinarju tal-gvern biex jiġi eżaminat u jiddaħħal fi programm
ta’ riabilitazzjoni. Ladarba jikseb saħħtu kollha lura jinħeles lura fuq il-baħar f’post sikur. L-għasafar jitwaħħlilhom ċurkett qabel jinħelsu – dan jgħinna niksbu aktar tagħrif bijoloġiku dwar l-ispeċi. Kullsena, bis-saħħa tal-għajnuna tal-pubbliku, qed jinstabu dejjem aktar frieħ tal-Garnija maqbudin fuq l-
art.
Tista’ tgħin ukoll billi tnaqqas l-intensità tad-dawl fuq barra li jagħmel ħsara lill-għasafar tal-baħar u lil annimali oħra. Jekk għandek dwal fuq barra, hemm tliet metodi faċli kif tista’ tħalli impatt pożittiv.Tista’ tipponta d-dwal ’l isfel ħalli d-dawl ikun iffukat biss fuq fejn għandek bżonnu, tista’ tuża bozoz li jarmu dawl isfar (inqas minn 3,000 kelvin) u tista’ tuża l-purtieri. Żur dawn il-linji gwida li ħarġet BirdLife Malta dwar l-użu ta’ dawl ekoloġikament responsabbli għal aktar tagħrif.