Budget 2024. Il-gvern jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali bi tħejjija għall-Budget

Bi preparazzjoni għall-Budget 2024, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul iltaqgħu mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Waqt din il-laqgħa, l-imsieħba soċjali kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-prijoritajiet tagħhom lill-gvern għas-sena li ġejja.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru Clyde Caruana qal, “Hekk kif id-dinja bħalissa għadha qed tesperjenza l-impatt tal-inflazzjoni li ġabet magħha l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-gvern qed ikompli bil-ħidma tiegħu biex iżomm taħt kontroll iż-żieda fil-prezzijiet mingħajr ma jnaqqas l-ebda għajnuna u sostenn li qed jipprovdi lill-familji u lin-negozji f’dawn iż-żminijiet”.
“F’pajjiżna, ir-rata tal-inflazzjoni baqgħet anqas mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea, grazzi għad-deċiżjonijiet f’waqthom li ħa dan il-gvern mill-bidu nett. F’kuntest ta’ sfidi internazzjonali, il-Budget se jkun wieħed ta’ kuraġġ iżda fuq kollox jagħti direzzjoni strateġika fejn irridu mmorru fis-snin li ġejjin. Huwa għalhekk li bħala gvern se nibqgħu nsostnu l-għajnuna flimkien mal-ħarsien tal-governanza ekonomika, li tibqa’ fiċ-ċentru tal-istrateġija tagħna biex inżommu pajjiż b’saħħtu,” saħaq il-Ministru Caruana.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal, “Il-gvern jemmen bi sħiħ fid-djalogu soċjali u kommess li jkompli jsaħħaħ dan il-qasam. Diġà wettaqna u se nkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħna f’dan ir-rigward, fosthom billi nkomplu nsaħħu dan il-kunsill u li l-funzjonijiet konsultattivi li qabel kienu jsiru mill-MEUSAC u SEM jerġgħu jibdew isiru b’mod aktar attiv u strutturat”.