Budget li seta’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna.

Il-benefiċċju ta’ COLA addizzjonali mħabbar fil-Budget huwa mod ta’ kif inraqqu l-pannu bil-qara aħmar meta diġà jeżisti mekkaniżmu li jista’ jkun aġġornat biex jirrifletti il-ħtiġijiet ta’ kulħadd inkluż min hu dipendenti minn servizzi soċjali, għaliex il-morsa tal-għoli tal-ħajja ilha tinħass minn kulħadd. Dan qalu ċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo fl-ewwel reazzjonijiet tal-partit għall-Budget 2023.

Il-ħtieġa ta’ COLA addizzjonali jikkonferma dak li ilna ngħidu, li dan il-mekkaniżmu għandu bżonn jiġi aġġornat biex jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum u li l-mekkaniżmu preżenti huwa difettuż bil-kbir. Għall-ewwel darba l-Ministru tal-Finanzi qiegħed jikkonferma li aktar minn 80,000 ruħ qegħdin jgħixu fil-faqar. Filwaqt li kompliet tissaħħah il-politika ta’ handouts ta’ Father Christmas ma smajna xejn dwar għajnuniet biex dawn l-individwi jtejjbu l-qagħda tagħhom biex ma jibqgħux jiddependu minn benefiċċji soċjali.

Għalkemm ir-realtajiet ġeo-politiċi li għaddejjin minnhom ma jista’ jmerihom ħadd, fil-Budget wieħed kien jistenna li jkun hemm aktar miżuri mmirati li jġibu tibdiliet permanenti għat-tul biex jkun hemm titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Ilha tinħass il-ħtieġa li l-basket ta’ prodotti u servizzi li biha tinħadem il-paga minima u l-COLA tiġi riveduta biex din tirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum. Studji tal-Caritas urew li l-paga minima hija 40% inqas milli għandha tkun. U għalhekk dan ifisser li min hu bi dħul baxx ma jistax ikollu livell ta’ għajxien diċenti għalih u għall-familja tiegħu. Huwa biss jekk il-basket li fuqu hi determinata l-COLA jkun revedut b’mod regolari li nistgħu naslu għal paga minima kif ukoll il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali li jassiguraw livell bażiku ta’ għajxien diċenti.

Ir-ras iebsa tal-Gvern li ma jirrevedix il-basket li fuqu hija ikkalkulata il-paga minima hija politika skaduta li żżomm dipendenza fuq pagi baxxi u handouts.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-COLA effettivament toffri kumpens b’lura għall-impatt tal-inflazzjoni fuq il-pagi u l-pensjonijiet. Meta għandek rata ta’ inflazzjoni sostanzjali jfisser li żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ darba fis-sena mhux sodisfaċenti imma għandha tinqasam fi tnejn – f’Lulju u f’Jannar.

Barra minn hekk min iħaddem m’għandux biss jirċievi l-għajnunijiet diretti mill-Gvern imma għandu ukoll jkun lest li jgħin biex l-impjegati jkollhom livell ta’ għajxien li jixraqilhom.

Is-sussiddji fuq l-enerġija setgħet tkun opportunità unika biex jinkorraġixxi tibdil fl-istil tal-ħajja li jkun wieħed aktar sostenibbli. In-nefqa preżenti hija kawża ta’ traskuraġni fil-qasam tal-enerġija u nuqqas massiċċ ta’ investiment tul is-snin f’enerġija rinovabbli. Dawk is-setturi ekonomiċi li huma dipendenti ħafna fuq l-użu tal-petrol jew id-diesel jistgħu jiġu mgħejuna direttament b’assistenza speċifika li tikkonsidra dawk il-ħtiġijiet.

M’aħniex konvinti li l-ispiża ta’ €70,000 fis-siegħa bħala sussidji huwa neċessarjament l-aħjar mod kif jiġu allokati ir-riżorsi limitati ta’ pajjiżna. Ta’ min jistaqsi x’kienu l-istudji li saru mill-Gvern li juru li dan kien l-aħjar mudell għal pajjiżna? Il-kriżi li qegħdin fiha mhux se tispiċċa malajr. Hu għaldaqstant il-mument ukoll li niffukaw fuq jekk hemmx metodi aħjar dwar kif jistgħu jintużaw is-sussidji b’mod partikolari dawk applikati għall-petrol, diesel u elettriku. Il-prezzijiet internazzjonali se jdumu għoljin.

Bla dubju, l-konsum bażiku tal-elettriku għad-djar, għandu jibqa’ jkun issussidjat imma l-bqija tas-sussidji għall-elettriku u l-fuels għandhom ikunu studjati aħjar.  Hemm modi aħjar kif il-Gvern jista’ jnaqqas il-piż minn fuq spallejn in-nies. Flok is-sussidju tal-petrol u d-diesel għal karozzi jkun f’loku li nqisu li fuel għola jkun ifisser possibilment inqas karozzi fit-toroq u iktar nies jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, aktar spiss, flimkien ma’ investiment f’toroq sikuri għal mezzi nodfa ta’ trasport, bi kwalità tal-arja aħjar għal kulħadd.

It-tnaqqis fis-sussidji jista’ jwassal ukoll biex jkun hemm iktar investimenti f’oqsma li verament iwasslu titjib fil-ħajja għal ġenerazzjonijiet futuri – investimenti fl-edukazzjoni, it-tranżizzjoni urġenti lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli – li ftit li xejn smajna dwarhom f’dan il-budget.

Hi opportunità unika li nużaw il-kriżi attwali bħala għodda kontra d-dipendenza fuq il-karozzi, u għaldaqstant issa huwa ż-żmien għal investiment f’toroq u rotot aktar sikuri għal mezzi nodfa ta’ trasport, u għal rotot fit-toroq riservati għall-karozzi tal-linja. Issa huwa l-waqt għal investiment f’sistema ta’ Bus Rapid Transit – sistema b’rotot speċjali għal karozzi tal-linja. Hi opportunità li jekk użata tajjeb tista’ tagħti benefiċċji ambjentali u ta’ saħħa sostanzjali.

Għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hemm bżonn li jkun hemm użu iktar għaqli tar-riżorsi limitati li għandu pajjiżna. ADPD jidhirlu li dan il-Budget seta’ jkun immirat aktar biex jieħu l-ewwel passi għal titjib fil-livell ta’ għajxien ta’ kulħadd b’mod permanenti.