Carmel Cacopardo jitfa’ n-nomina għal post battal fuq il-kunsill lokali ta’ San Ġiljan

Il-proċess tan-nominazzjonijiet għall-post battal fuq il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li jagħlaq illum, sa ċertu punt hu kontinwazzjoni tal-proċess tal-għadd tal-voti tal-2019 għax iwassal biex jinfetħu mill-ġdid il-pakketti tal-voti ta’ dakinnhar.
Meta indirizza lill-istampa iċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo, fin-Naxxar ħdejn l-uffiċini tal-Kummissjoni Elettorali, qal: “Qed nitfa’ in-nominazzjoni tiegħi b’rispett lejn il-votanti. Aħna bħala partit dejjem sħaqna li l-vot hu b’saħħtu biżżejjed biex jintuża lilhinn mil-limiti mposti mill-partiti politiċi l-oħra. Kuntrarju għall-partiti l-oħra aħna dejjem inkoraġġejna dak li nsejħulu “cross party voting” jiġifieri li l-vot ma jkunx eserċitat b’mod restrittiv iżda b’mod li jagħti apprezzament lill-kandidati kollha lilhinn mill-kulur politiku li miegħu huma assoċjati.
Uħud mill-votanti dan jagħmluh. Fil-fatt, meta ġew mgħaduda l-voti fl-elezzjoni tal-2019 għall-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, fit-tieni għadd tal-voti, 6.33% tal-voti miksuba mill-kandidat Albert Buttigieg kienu jkomplu fuq partiti, li mhumiex il-partit li miegħu ikkontesta huwa. Possibilment dan jista’ jirrepeti ruħu anke fl-għadd waqt l-elezzjoni każwali kif jiġri diversi drabi fl-elezzjonijiet lokali.
Kif inhuma mqassma l-voti ma nafx. In-numri huma żgħar: il-kwota sħiħa fil-fatt fiha biss 390 vot.
Ir-riżultat ser ikun determinat minn kemm hu kbir in-numru ta’ votanti li għarfu s-saħħa kbira li għandu l-vot.  Jekk ma jkunx hemm biżżejjed li jagħmlu hekk l-għażla tmur lura f’idejn il-partit politiku li innomina lil Albert Buttigieg.
“Da parti tiegħi, irrispettivament minn xi jkun irriżultat, onorat li ngħatajt l-opportunità li nservi. Il-parti tiegħi għamiltha,” temm jgħid Cacopardo.