Il-World Islamic Call Society tat lill-Biċċerija Pubblika ċertifikazzjoni ħalal għall-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u dak tan-nagħaġ u l-mogħoż.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fil-preżenza tad-Deputat Imam Shaban Gwirb.
Iċ-ċertifikazzjoni ħalal tagħti serħan il-moħħ lil dawk ta’ reliġjon Musulmana li jixtru laħam tal-ħaruf, tal-mogħoż u taċ-ċanga lokali, li l-prodotti li huma qed jixtru huma ppreparati skont il-liġi Iżlamika u huma permissibbli għall-konsum mill-Musulmani. Dan jinvolvi metodi speċifiċi ta’ qatla u pproċessar tal-annimali li jenfasizzaw it-trattament uman tal-annimal, kif ukoll l-indafa tal-impjant.
Il-Ministru Refalo spjega li din iċ-ċertifikazzjoni tkompli tibni fuq il-ħidma kontinwa tal-Gvern biex, fi twettiq tal-wegħda elettorali, ikompli jinvesti fil-Biċċerija b’mod li jtejjeb il-profittabilità tar-raħħala Maltin u Għawdxin. Permezz ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, raħħala Maltin issa jistgħu jilħqu swieq ġodda, kemm f’Malta kif ukoll barra, kemm lejn komunitajiet Musulmani fl-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.
Fl-istess ħin, huwa kompla jgħid, din l-inizjattiva torbot perfettament mal-viżjoni tal-Gvern li tirrispetta u tħaddan id-diversità. “Billi nipprovdu prodotti tal-laħam iċċertifikat ħalal, qed niżguraw li l-komunitajiet kollha f’Malta, irrispettivament mit-twemmin tagħhom, ikollhom aċċess għal ikel li jissodisfa r-rekwiżiti tad-dieta u l-prattiki kulturali tagħhom,” sostna l-Minsitru Refalo.
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia, fisser li ċ-ċertifikat ikompli jibni fuq il-ħidma li saret fl-aħħar snin fejn il-Biċċerija qed tipprovdi lill-klijenti tagħha għodda ġodda biex jiddiversifikaw il-prodotti tagħhom u fl-istess ħin joħolqu iktar valur għall-ħidma tagħhom.
“Din iċ-ċertifikazzjoni tkompli tibni fuq diversi kisbiet fil-Biċċerija Pubblika. Kisbiet li fost l-oħrajn raw lil dan l-impjant jinbidel minn wieħed li l-Unjoni Ewropea riedet tagħlqu għal wieħed li huwa vetrina ta’ kwalità, xprun għal prodotti ġodda, u impjant li issa qed jikseb ukoll rikonoxximent iċċertifikat tal-kisbiet tiegħu,” sostna Cachia. Id-Direttur Ġenerali temm jgħid li “mhux biss qed niżguraw li l-laħam li joħroġ mill-Biċċerija ikun tal-aqwa kwalità, iżda jkun ukoll jissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijenti kollha tagħna irrispettivament mit-twemmin reliġjuż tagħhom.”