Bil-Filmati Moviment Azzjoni Soċjali – Diskussjoni Approfondita fuq ewtanasija, Abort u kwistjonijiet relatati mal-ġeneru.

Fit-28 ta’ Diċembru 2024, il-Moviment Azzjoni Soċjali, immexxi mill-President, Avukat Edric Micallef Figallo, organizza diskussjoni ma’ Dr. Jean Karl Soler, tabib b’esperjenza, biex jiddiskutu fuq temi ta’ importanza nazzjonali u internazzjonali. Il-podcast, li ttella’ fuq pjattaformi diġitali, kien iffukat fuq suġġetti kontroversjali u rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum.

Wieħed mill-mumenti ewlenin tad-diskussjoni kien meta s-suġġett tal-abort ġie indirizzat. Dr. Soler wera tħassib dwar kif l-abort qed jiġi ġustifikat bħala kwistjoni ta’ konvenjenza. Huwa saħaq li wħud mid-dibattiti minn nies favur l-abort jinkludu diskors li potenzjalment jippermetti l-abort anki sal-mument tal-ħlas, għalkemm dan ġie mmexxi minn diversi kritiċi bħala argument mhux ibbażat fuq fatti.

Dr. Soler sfida  lill-NGOs biex jiddikjaraw b’mod ċar il-pożizzjoni tagħhom dwar sa liema fażi tal-iżvilupp tal-fetu huma jaċċettaw l-abort. Fi kliemu, dawn l-organizzazzjonijiet spiss jevitaw li jagħtu risposta ċara dwar dan is-suġġett delikat.

Barra minn hekk, Dr. Soler irrimarka fuq prattiki f’xi pajjiżi, fejn kien mingħalih li anki fi Franza  jista’ jkun hemm każijiet rari fejn, f’sitwazzjonijiet ta’ mard terminali estrem, jistgħu jsiru aborti anke wara t-twelid tat-tarbija.

Din id-diskussjoni wittiet it-triq għal riflessjoni aktar profonda dwar is-suġġett tal-abort, speċjalment fid-dawl tal-implikazzjonijiet morali, legali, u soċjali tiegħu.