Diskussjoni Nazzjonali dwar l-Innovazzjoni u l-Kompassjoni fil-Kura tad-Dimensja

Ġiet imtellgħa konferenza nazzjonali bit-tema “Empowering Minds: Innovation and Compassion in Dementia Care”, organizzata b’mod konġunt mid-Direttorat tad-Dimensja u l-Aġenzija tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. L-avveniment ġab flimkien professjonisti, carers, familji, riċerkaturi u esperti sabiex jiddiskutu t-trajettorja futura fil-qasam tant importanti tal-kura tad-dimensja.​​

Fost il-kelliema kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele, id-Direttur tad-Direttorat tal-Kura tad-Dimensja Alex Gobey, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Alzheimer’s Disease International Paola Barbarino. Matul il-ġurnata, diversi professjonisti u carers qasmu l-esperjenzi tagħhom u ppreżentaw inizjattivi li jpoġġu l-persuna fiċ-ċentru tal-kura tad-dimensja.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, saħaq li d-dimensja mhijiex biss dijanjosi medika, iżda esperjenza profondament umana. “Id-Dimensja taffettwa l-memorja, l-identità u r-relazzjonijiet – l-elementi li jagħmluna min aħna. U minkejja l-isfidi, kull persuna li tbati bid-dimensja għad għandha x’toffri, filwaqt li għad għandha l-jedd li tgħix b’dinjità,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Is-Segretarju Parlamentari enfasizza li l-viżjoni tal-Gvern hija ċara: li jinħoloq pajjiż fejn l-anzjanità tkun rispettata u appoġġjata, u fejn il-kura għall-persuni bid-dimensja tkun waħda personalizzata, sigura u ta’ kwalità għolja. Huwa semma wkoll inizjattivi innovattivi bħall-Brain Health Clinics, il-proġett Care4Elders, u programmi ta’ stimolu konjittiv, li juru kif l-approċċ lejn id-dimensja f’Malta qed jinbidel b’mod attiv – mhux biss billi tissolva l-problema, imma billi tiġi miftiehma b’mod aktar profond u uman.

Appella wkoll għall-appoġġ kontinwu lill-caregivers, dawk professjonisti kif ukoll membri tal-familja, li jiddedikaw ħajjithom għall-kura. “Ma nistgħux nistennew eċċellenza fil-kura jekk ma ninvestux fl-għajxien u l-benesseri ta’ dawk li jagħtu dik il-kura,” temm jgħid Agius Galea.

L-avveniment temm b’ċerimonja ta’ premjijiet b’rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet eċċezzjonali ta’ individwi u timijiet fil-qasam tad-dimensja, inkluż carers informali u professjonisti li jaħdmu bla waqfien biex itejbu l-ħajja ta’ dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi relatati mad-dimensja, wieħed jista’ jċempel fuq 1771 jew fuq 22589301 biex jikseb għajnuna mit-Tim tal-Intervent tad-Dimensja.