Għaliex ikomplu joħorġu permessi għal bini ġdid meta in-numru ta’ djar vojta jew dawk kemm kemm użati huwa ekwivalenti għal 6 darbiet id-daqs ta’ Tas-Sliema? Dan x’ippjanar hu staqsew kelliema ta’ ADPD-The Green Party dalgħodu meta indirizzaw konferenza stampa fuq ir-riżultati taċ-Ċensiment dwar il-karatteristiċi tal-propjetà residenzjali li għadu kemm ġie ippubblikat.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, il-Perit Carmel Cacopardo qal li r-rapport taċ-ċensiment tal-2021 ippubblikat iktar kmieni din il-ġimgħa għal darba oħra juri li l-propjetà li qed titħalla vojta flimkien ma’ propjetà użata ftit (residenzi sekondarji u villeġġjatura) qed ikomplu jiżdiedu. Minn 297,304 residenza li rriżultat fiċ-Ċensiment, 81,613 minnhom ġew ikklassifikati flimkien bħala propjetà li mhux użata, jew li qed tintuża ftit. Dan ifisser li 27.5 fil-mija tal-propjeta residenzjali fuq livell nazzjonali hi jew vojta nkella uzata ftit. Dan huwa ta’ tħassib.
Filfatt, in-numru totali ta’ djar vojta nkella bil-kemm użati huwa ekwivalenti fin-numru għal 6 darbiet tad-djar residenzjali f’Tas-Sliema. Minħabba d-daqs żgħir tal-pajjiż din hi problema enormi u tfisser piż żejjed fuq l-infieq pubbliku li dan l-żvilupp esagerat qed jikkawża. Dawn ir-residenzi kollha huma moqdija b’toroq, elettriku, drenaġġ u servizzi tal-ilma bi spiża sostanzjali li setgħet tintuża b’aktar benefiċċju f’żoni oħra fejn hemm residenzi li jintużaw kontinwament.
Filwaqt li dawn il-81,613 il-proprjetàjiet residenzjali mibnija huma vojta jew mhux użati biżżejjed, l-industrija tal-bini tkompli tibni aktar – u b’hekk il-problema tikber kontinwament. Dan isejħulu progress, imma filfatt hu qerda ambjentali, tal-ftit art li ghandna biex nipproduċu propjeta li titħalla vojta jew li tintuża ftit.
Din mhix xi ħaga li bdiet illum. La l-Partit Laburista u lanqas il-Partit Nazzjonalista qatt ma taw każ tal-konsegwenzi tal-qerda ambjentali, minkejja l-ħafna dmugħ tal-kukkudrilli li kultant ixerrdu, biex jagħtu l-impressjoni li taparsi jimpurtahom.
Minflok ma jindirizza l-kwistjoni, il-gvern tal-PN żied id-daqs taż-żona tal-iżvilupp permezz taż-żieda tal-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta’ “razzjonalizzazzjoni”. Dakinhar miljun metru kwadru ta’ art ODZ ingħatat għall-iżvilupp, u qisu ma ġara xejn. Min-naħa l-oħra, l-Partit Laburista fil-gvern, baqa’ jħeġġeġ aktar żvilupp u ma għamel xejn biex irazzan jew iħassar id-deċiżjoni li biha l-miljun metru kwadru fl-ODZ ingħataw għall-iżvilupp. Din id-deċiżjoni jeħtieġ li tiġi riveduta malajr kemm jista’ jkun.
B’aktar minn 80,000 proprjetà vojta jew kemm kemm utilizzati, x’sens jagħmel li jibqgħu joħorġu permessi għal żvilupp fuq skala kbira li qed ikompli jżid mal-kwantità akkumulata ta’ proprjetajiet battala? temm jgħid Cacopardo.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Sandra Gauci qalet li ADPD ilha tinsisti li għandu li jkun hemm inċentivi biex tħajjar li l-propjetà tkun utilizzata. Fil-każ ta’ propjetà li minkejja l-inċentivi titħalla vojta għal żmien twil, għandu jkun hemm disinċentivi fiskali biex dan l-imġieba tkun skoraġġita. Dan ikun ta’ kontribut biex kemm il-prezz tal-kirjiet kif ukoll dawk tal-bejgħ tal-propjetà ikunu iktar raġjonevoli milli huma llum il-gurnata..
Ma jagħmel l-ebda sens ambjentali li tuża l-art (inkluża art agrikola) biex isir żvilupp u sussegwentement iżżomm il-proprjetà hekk żviluppata vojta. Lanqas ma jagħmel sens ekonomiku li tinvesti daqstant riżorsi mingħajr ma tfittex li tirkupra benefiċċji ekonomiċi. Dawk li jippersistu li jżommu l-propjetajiet tagħhom mhux użati għal żmien twil għandhom iħallsu taxxa fuq il-proprjetà mhux użata. Din it-taxxa parzjalment tikkumpensa għan-nefqa li jagħmel il-pajjiż fil-ħolqien ta’ bliet fantażma magħmulin minn proprjetà vojta jew propjetà kemm kemm użata. L-infieq għall-infrastruttura jsir, irrispettivament jekk il-propjetà titħalliex vojta inkella tkunx użata.
Taxxa fuq il-propjetà vojta tgħin biex jibda jitrażżan is-suq tal-propjetà għax tagħti kontribut biex iktar propjetajiet jidħlu fis-suq: għall-kera jew għall-bejgħ. Dan flok ma jibqgħu vojta u jħallsu taxxa talli jibqgħu vojta.
Dan l-aħħar il-Gvern bidel il-pożizzjoni tiegħu dwar it-taxxi u introduċa depożitu fuq il-fliexken tal-plastik u kontenituri oħra. Id-depożitu mħallas jiżdied skont il-konsum u jintilef jekk il-kontenituri ma jiġux irritornati kif suppost. Għamel tajjeb għax din it-taxxa ambjentali qed tagħti kontribut biex jonqos l-iskart minn fliexken tal-plastik u kontenituri oħra. L-istess jiġri b’taxxa fuq il-propjetà vojta: din tibda gradwalment tnaqqas in-numru ta’propjetajiet vojta u twassal pass pass għal prezzijiet iktar raġjonevoli. Din hi miżura soċjali meħtieġa biex jitrażżan is-suq tal-propjetà bis-serjetà.
Barra minn hekk, b’aktar minn 80,000 propjetà vojta jew parzjalment użati ma jagħmilx sens li jkun hemm lista ta’ stennija fl-Awtorità tad-Djar għal dawk li jfittxu akkomodazzjoni alternattiva. L-Awtorità tad-Djar, biex tindirizza l-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni alternattiva għandha tagħmel uzu mill-propjetà vojta li diġà teżisti u mhux tkompli tibni iktar.
Il-konklużjoni primarja minn dan iċ-Ċensiment hija messaġġ ċar lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tieqaf tagħti l-permessi bl-addoċċ li qiegħed iwassal biex aktar minn kwart tal-propjetajiet f’pajjiżna jinsabu battala. B’medda ta’ art sitt darbiet daqs tas-Sliema mimlija residenzi li huma vojta jew ftit li xejn jintużaw l-affarijiet ma jistgħux ikunu iktar ċari, temmet tgħid Gauci.
