“Dott. Eddie Fenech Adami emmen li kellu x’jagħti biex itejjeb lil pajjiżna” – il-President George Vella

Il-President George Vella qal li jinsab konvint li, bħal ħafna oħra, Dott. Eddie Fenech Adami emmen li billi jkun attiv fil-politika seta’ jagħti daqqa t’id biex il-kwalità tal-ħajja f’pajjiżna titjieb.
“Bħal ħafna oħra emmen li kellu x’jagħti biex itejjeb lil pajjiżna. Din kienet deċiżjoni li biha mhux biss rabat lilu nnifsu, imma rabat miegħu wkoll id-destin tal-familja tiegħu li matul is-snin daqet it-tajjeb u l-ħażin tal-ħajja politika,” qal il-President Vella waqt it-tnedija tal-ktieb “Eddie – is-sewwa jirbaħ żgur” tal-awtur Dione Borg fil-Palazz Verdala.
Il-President qal li dak li għamel Dott. Fenech Adami jifhmu u japprezzah għaliex hu wkoll għamel għażla minn rajh li mhux l-ewwel darba matul is-snin fil-politika sab ruħu jieqaf, jirrifletti u jistaqsi lilu nnifsu dwar dan l-involviment.
Il-President George Vella qal li wasal iż-żmien li niżviluppaw sens nazzjonali ġenwin li jwassalna biex b’mod sinċier nagħtu ħajr lil kull min matul is-snin, b’mod ġenwin u b’sagrifiċċji kbar, kellu sens kbir ċiviku u ried jagħti kontribut lis-soċjetà.
Il-President Vella qal li sfortunatament iħoss li għadna ‘l bogħod milli bl-aktar mod ekwu nagħtu valur biżżejjed għall-kontribut li jkunu taw persuni tal-kalibru ta’ Dott. Eddie Fenech Adami, u mexxejja oħra ta’ pajjiżna, fil-ħidma politika tagħhom għal snin twal. “Dan minħabba l-fatt li nibqgħu narawhom wisq fil-libsa partiġjana tagħhom, u mhux kif jixirqilhom fuq livell nazzjonali li fuqu jkunu ħadmu biex Malta timxi ‘l quddiem,” qal il-President.
B’referenza għall-integrità ta’ kull min jokkupa pożizzjoni pubblika, il-President Vella qal li f’sistemi moderni demokratiċi hemm bżonn kontrolli iktar effettivi u tajbin li mhux biss jaqbdu lil min jabbuża, iżda jsiru ta’ deterrent għal min ikollu f’rasu li jidħol fil-politika b’għanijiet mhux korretti.
“Inweġġa’ meta jkun hemm min ikollu l-interess jitfa’ dubji fuq l-integrità ta’ kulħadd u jsiru insinwazzjonijiet li diffiċli wieħed jeħles minnhom. Sfortunatament dan hu wieħed mill-aspetti koroh fit-tħaddin tal-politika partiġjana u wieħed mill-affarijiet li jgerrex nies li huma kapaċi u li għandhom intenzjonijiet retti milli jiddeċiedu li jagħtu sehemhom fil-politika,” qal il-President Vella, waqt li fakkar li d-demokrazija ma timxix mingħajr politiċi.
“F’pajjiżna għadna ma nedukawx biżżejjed dwar il-politika fl-iskejjel tagħna, mhux dwar id-dijalettika politika, imma dwar l-arti u x-xjenza li hija l-politika li ngħixuha kuljum. Il-politika bħala servizz għall-komunità, il-politika bħala għodda biex ikollna soċjetà aktar kuntenta u komda, il-politika bħala professjoni nobbli u rispettata,” stqarr il-President.​