Dr Hyzler jippreżenta lill-Ispeaker erba’ rapporti mħejjija mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr Anġlu Farrugia laqa’ għandu għal żjara tal-aħħar lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler, qabel Dr Hyzler jassumi r-responsabbiltajiet ta’ membru fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-bidu ta’ Ottubru 2022.
Waqt din iż-żjara, Dr Hyzler ippreżenta lill-Ispeaker erba’ rapporti mħejjija mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD) b’kollaborazzjoni mal-uffiċċju tiegħu, u li ġew kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea:
Review of the Codes of Ethics for Ministers, Parliamentary Secretaries and Members of the House of Representatives: Recommendations for improving the codes.
• Review of the Standards in Public Life Act of Malta: Recommendations for strengthening the integrity framework for elected and appointed officials.
• Review of the Lobbying Framework in Malta: Recommendations for improving transparency and integrity in lobbying. 
• Organisational Review of the Office of the Commissioner for Standards in Public Life of Malta: Recommendations for strengthening the institutional and procedural set-up.
Flimkien ma’ dawn ir-rapporti, Dr George Hyzler ippreżenta wkoll ir-Rapport Annwali tal-Uffiċċju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għas-sena 2021, skont kif provdut mill-Artikolu 25 tal-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
L-Ispeaker Farrugia rringrazzja lil Dr Hyzler tal-kontribut tiegħu bħala l-ewwel Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Filwaqt li awguralu ħidma sfiqa fl-irwol ġdid u daqstant ieħor prestiġjuż ta’ membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, huwa ppreżentalu tifkira maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ispeaker f’għeluq il-mitt sena tal-Parlament Malti.