14 ta’ Marzu, 2025
Din hija d-dritt ta’ replika għal dak li qal is-Sur Paul Salomone fil-filmat fejn PMnews Malta stiednet lis-Sur Salomone, peress li ħasset li kellu jkollu l-possibbiltà li jispjega ruħu wara artiklu li deher fuq The Times of Malta.
L-Ordni tal-Kavallieri Templari, Pietà del Pellicano, talbu d-dritt ta’ risposta rigward dak li qal is-Sur Paul Salomone dwar il-kwistjoni. PMnews Malta tat l-istess trattament lill-Ordni, fejn ħejjejna filmat ta’ 30 minuta u qed nippubblikaw ukoll dak kollu li bgħatulna mill-Ordni.
Dan huwa l-filmat ta’ d-dritt ta’ replika, Għall Ordni tal-Kavallieri Templari, Pietà del Pellicano.
Dan huwa dak kollu li kitbulna u bgħatulna fid-dritt ta’ replika, inklużi d-dokumenti annessi: rerepaulsalomonetkeccijabimfamjamillordnitalkav
Stqarija: B’replika għal dak mitqal mis-Sur Paul Salomone rigward it-tkeċċija tiegħu mill-Ordni tal-Kavallieri Templari, Pietà del Pellicano, il-Kunsill tal-Prijorat Kavallieri Templari (Malta) jistqarr f’ismu u f’isem il-Gran Mastru Antonino Aloi dan li ġej:
• Is-Sur Salomone sejjaħ laqgħa fis-27 ta’ Frar sabiex jiġi diskuss l-eżitu tal-mawra li kellu fil-Portugall, fejn kien suppost qed jippreżenta l-Ordni u l-Gran Mastru, kif isir wara kull vjaġġ jew attività tal-Prijorat, u biex naraw kif konna ser nimxu ’l quddiem.
• Għal din il-laqgħa kienu preżenti l-Membri Fundaturi, kif ukoll wieħed mill-kavallieri l-ġodda li ġew investiti f’Novembru 2024.
• Minflok ġie diskuss dak li konna miftiema fuqu, jiġifieri rendikont tal-attivitajiet tal-Portugall u l-proċess tar-rit tal-investitura, intalab li jittieħed vot dwar jekk il-Prijorat għandux jitlaq għal rasu, mingħajr ma jagħti aktar rendikonti lill-Gran Mastru jew lill-Ordni.
• Qabel ma kompliet il-laqgħa, it-Teżorier tal-Prijorat talab li jagħti r-riżenja tiegħu mill-kariga minħabba li ma kellux idea x’kien qed jiġri mill-fondi tal-Prijorat. Din ir-riżenja ma ġietx milqugħa, u s-Sur Salomone ddikjara li minn dik il-ġurnata ’l quddiem il-flus kienu ser ikunu f’idejn it-Teżorier.
• Meta wasalna għall-vot, jien bħala s-Seneschal (Segretarju tal-Prijorat) u l-Kav. Kevin Bonanno (il-Marshall tal-Prijorat) urejna b’mod ċar li ma konniex naqblu ma’ dak li kien qed jintqal. Jien astenejt milli nivvota, filwaqt li l-Kav. Bonanno ivvota kontra.
• Filgħodu tal-istess ġurnata tal-laqgħa, il-Gran Mastru ċempilli biex javżani li kien hemm il-possibbiltà li tiġi diskussa l-idea li l-Prijorat jinqata’ mill-Ordni u ried li nibqa’ naġġornah dwar l-eżitu tal-laqgħa.
• Wara l-laqgħa, għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija, il-Gran Mastru ċempilli u talabni nirrappurtalu dak li kien intqal. Għaldaqstant, avżajtu b’dak li qal is-Sur Salomone.
• Bħala reazzjoni għal dan, fil-4 ta’ Marzu, il-Gran Mastru ħareġ digriet li bih neħħa lis-Sur Salomone mill-pożizzjoni ta’ Prijur, iżda ma keċċiehx. Fl-istess digriet, il-Gran Mastru afda l-buon ordni tal-Prijorat f’idejn il-Marshall, il-Kav. Kevin Bonanno, kif stipulat mill-protokoll.
• Għaldaqstant, bl-ebda mod jew manjiera s-Sur Salomone ma kellu d-dritt isejjaħ laqgħa sabiex jittieħed it-tieni vot fuq is-separazzjoni mill-Ordni.
• Il-ġerarkija tal-Kodiċi Kavalleresk, kif ukoll l-Istatut (Artiklu 9 (I)), jiddikjaraw li:
“The Prior, being the leader of the Priory of Malta, is personally chosen and appointed by the Grand Master.”
Barra minn hekk, skont Artiklu 9 (IV):
“Upon the knowledge of foul play, mishandling, and/or impropriety decision on the part of the Prior, the members of the Executive Council have the duty to report these inadequacies to the Grand Master in Italy.”
• Għalhekk, ir-rapport li għamilna lill-Gran Mastru kien obbligu tagħna bħala kavallieri u uffiċjali tal-Prijorat sabiex nirrapportaw dak kollu li kien qed jiġri.
• Irridu ngħidu wkoll li dan l-Istatut kien miktub mis-Sur Salomone stess.
• Il-kwistjoni dwar l-imsemmija miżata qamet minħabba li, skont is-Sur Salomone, din ma kellhiex titħallas lill-Ordni iżda kellha tibqa’ fi ħdan il-Prijorat. Huwa fatt li din il-miżata, ħlief fl-ewwel sena, ma ngħatatx lill-Ordni; il-kumplament dejjem baqa’ fit-teżorerija tal-Prijorat.
• Wara li ssejħet il-laqgħa mill-Marshall u attendejna għaliha jiena u membru ieħor, l-istess Sur Salomone, flimkien ma’ membri oħra, iddeċidew li jsejħu laqgħa separata għalihom fejn ġie miftiehem li ma jridux jibqgħu aktar parti mill-Ordni u jsiru awtonomi. Din id-deċiżjoni ttieħdet fit-8 ta’ Marzu.
• Wara li l-Gran Mastru ġie mgħarraf b’dan, fl-10 ta’ Marzu ħareġ digriet li bih keċċa lis-Sur Salomone b’Infamia minħabba l-fatt li s-Sur Salomone għamel misapproprjazzjoni tal-fondi tal-Prijorat u tal-memorabilia, kif ukoll għax qed jirrifjuta li ma jużax is-simboli u l-vestwarju tal-istess Ordni.
• Filwaqt li s-Sur Salomone semma li d-deċiżjoni li jinqata’ mill-Ordni ttieħdet fit-8 ta’ Marzu, hu għarraf lill-Gran Mastru bid-deċiżjoni tiegħu fl-10 ta’ Marzu permezz ta’ ittra, kif muri fiċ-chat li bagħatli l-Gran Mastru.
• Min jifhem fil-ġerarkija tal-Kavallierat jifhem li Prijorat huwa parti minn Ordni, u prijorat waħdu ma jistax jeżisti. Skont Artiklu 68 tal-Istatut tal-Ordni, il-Prijorat huwa definit bħala:
“strutture nazionali dell’Ordine Civile e Militare Dei Cavalieri del Tempio …”
li għandu “le competenza territoriale… Essi in tal modo, diventano soggetti dell’Ordinamento giuridico magistrale di cui al presente Codice.”
Sia fl-Istatut tal-Ordni kif ukoll f’dak tal-Prijorat hemm spjegat b’mod ċar kif il-Prijorat huwa parti mill-Ordni u bl-ebda mod ma jista’ jiddistakka ruħu minnu. Minħabba f’dan, wieħed mill-obbligi tal-Prijorat huwa li tħallas il-manswalità lill-Ordni darba fis-sena, kif ukoll iżżomm l-ubbidjenza u l-fedeltà lejn l-Ordni u l-Gran Mastru.
• Barra minn hekk, kull persuna li ssir kavallier trid tħallas il-miżata ta’ adeżjoni, fejn mill-ammont totali, l-Ordni jieħu €600 u l-kumplament jibqa’ fil-Prijorat wara li jitnaqqsu l-ispejjeż. Is-Sur Salomone semma li fl-investitura li kellna f’Novembru kien hemm xi membri minn Israel li saru kavallieri. Huma ma sarux kavallieri mal-Prijorat iżda mal-Ordni. Għalhekk, id-€9,000 li tħallsu lill-Ordni kienu dovuti bħala miżata ta’ aderenza, li minnhom il-Gran Mastru ħalla €4,000 fit-teżorerija tal-Prijorat.
• Is-Sur Salomone ma fehemx li dawk il-membri ma kinux membri tal-Prijorat ta’ Malta, iżda kienu membri tal-Ordni, li għandhom prijorat għalihom. Għaldaqstant, bl-ebda mod il-Prijorat ta’ Malta kellu dritt għal dawk il-flus. Is-somma li ngħatat kienet mogħtija b’buona grazia mill-Gran Mastru sabiex ittaffi l-ispejjeż li għamel il-Prijorat biex jorganizza l-investitura.
• L-Istatut tal-Prijorat, nerġa’ nsemmi, li kien miktub mill-istess Sur Salomone, jgħid li jekk il-Prijur ikun indispost, assenti jew imneħħi, il-personalità legali tal-Prijorat/VO tgħaddi f’idejn is-Seneschal u l-Marshall flimkien. Għaldaqstant, ladarba s-Sur Salomone tneħħa minn Prijur, m’għandux ebda dritt legali fuq il-Prijorat/il-VO. Tant hu hekk li d-Dipartiment tal-VO diġà ġie mgħarraf li s-Sur Salomone ġie svestit minn kull personalità legali tal-Prijorat, u għaldaqstant m’għandux dritt jissottometti ebda tibdil fl-istatut jew fit-tmexxija tal-Prijorat.