Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg ippreżentaw emendi fil-proċess tal-IVF li se jagħtu iżjed opportunitajiet lil ġenituri prospettivi u li se jidħlu fis-seħħ permezz ta’ tibdil fil-qafas leġiżlattiv.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif bil-liġi mressqa, li ġiet ippubblikata fil-Gazzetta ta’ Gvern, u kif ukoll permezz ta’ tibdil fil-protokoll tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun u l-kriterji tal-intitolament tas-settur tas-Saħħa Pubblika, se jidħlu numru ta’ emendi, ewlenin fosthom:
– Aktar ċikli tal-IVF mingħajr ħlas;
– Estenzjoni tal-età ta’ ġenituri prospettivi eliġibbli għas-servizzi;
– Servizz tal-IVF offrut għat-tieni wild ukoll;
– Bidla fid-definizzjoni ta’ ċiklu tal-IVF;
– Offrut ċiklu addizzjonali lill-persuni li diġa użaw it-tlett ċikli sabiex jgawdu mid-definizzjoni l-ġdida;
– Permessi donazzjonijiet mingħand persuni li jiġu mill-ġenitur prospettiv biż-żwieġ;
– Proċess simplifikat għal gamete donations minn barra minn Malta;
– Żewġ cryopreserved embryos maħluqa barra minn Malta wara l-2018 jistgħu jinġiebu f’ pajjiżna matul kull ċiklu;
– F’każijiet ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi serji jsir PGT-M;
– Koordinazzjoni bejn l-Awtorità Maltija għall-Protezzjoni tal-Embrijun u l-Bord li jamministra l-adozzjonijiet għall-proċessi t’adozzjoni tal-embrijuni.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li dawn l-emendi se jkunu diskussi fil-Parlament fil-jiem li ġejjin, meta jiġi ppubblikat ukoll il-protokoll il-ġdid għad-diskussjoni tal-Kumitat Permanenti għas-Saħħa, u li b’hekk il-Gvern qiegħed iwettaq wegħda ewlenija mill-manifest elettorali fl-ewwel mitt jum tal-amministrazzjoni l-ġdida.
Il-Ministru għas-Saħħa fakkar kif 419-il tarbija twieldet s’issa permezz tal-IVF mill-2013 ‘l hawn, u li s-sena li għaddiet twieldet tarbija minn kull ħames proċessi ta’ prokreazzjoni assistita. Huwa sostna li l-avvanzi fix-xjenza u fit-teknoloġija tal-infertilità qiegħda tippermetti li jkunu offruti iżjed trattamenti lill-persuni li jixtiequ jsiru ġenituri permezz ta’ prokreazzjoni assistita u li l-Gvern huwa lest li jagħmel l-investiment meħtieġ sabiex jitwieldu iżjed trabi permezz ta’ dawn is-servizzi.
Fid-diskors tagħha s-Segretarju għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li dan hu Gvern li għandu il-kredibilità u li din ir-riforma hija eżempju ċar tal-impenn biex jitwettqu riformi għal soċjetà aktar ġusta. “L-emendi proposti jitilqu minn prinċipju wieħed komuni: in-nies u l-kwalità tal-ħajja ta’ dawn il-familji. Familji li jridu jilqgħu f’darhom it-tfal li jimlew id-dar b’ferħ”, qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.