Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal estenda wieħed mil-ftehimiet soċjali illi għandu mal-Malta Gay Rights Movement (MGRM). Dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-ħidma tal-MGRM fil-komunità fejn joffru servizzi li jilħqu l-aspirazzjonijiet tal-persuni li jagħmlu kuntatt mal-professjonisti tagħhom. Dan il-ftehim ilaħħaq il-finanzjament ta’ €270,000 fuq medda ta’ tliet snin.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Gvern wera’ impenn ċar sabiex jagħti vuċi u ugwaljanza lil kull minorità, speċjalment dik tal-LGBTIQ. “Dan il-ftehim ikompli juri l-ħidma u l-impenn tagħna sabiex kulħadd iħossu stmat u rispettat. Il-minoritajiet huma parti integrali mis-soċjetà tagħna. Dan il-finanzjament se jkun qed issaħħaħ is-servizzi ta’ counselling, social work u policies legali li jgħinu aktar fl-integrazzjoni ta’ kull persuna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.
Il-koordinatriċi tal-MGRM Colette Farrugia Bennett esprimiet s-sodisfazzjon tagħha għall-kontinwazzjoni ta’ sapport li l-MGRM qed jingħataw, u spjegat kif dan il-finanzjament se jwassal għall-iktar investiment fir-Rainbow Support Services. Kompliet tispjega li ser jingħata bidu wkoll għall-proġett innovattiv, Dar il-Qawsalla, fejn se jkun qed jilqa’ persuni LGBTIQ li huma bla saqaf fuq rashom. Ħafna drabi dawn jinkludu żgħażagħ li jew tkeċċew mid-dar jew li nkella għandhom diffikultà jgħixu mal-ġenituri minħabba t-transizzjoni fiżika u emozzjonali tagħhom.