F’dinja tal-bullies insaħħu l-kooperazzjoni fl-Unjoni Ewropea

Il-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom jikkoordinaw flimkien aktar
fil-qasam diplomatiku internazzjonali u anke, fejn hemm bżonn
fid-difiża. Dan qaluh kelliema ta’ ADPD-The Green Party wara
l-avvenimenti inkwetanti tal-ġimgħa li għaddiet.

“Huwa aktar minn ovvju li f’dinja fejn l-liġi internazzjonali
tiddependi esklussivament minn fuq il-fiduċja u l-isperanza li pajjiżi
b’saħħithom jirrispettaw lil pajjiżi oħra u jaċċettaw u jwettqu
l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li Malta għandha tinsisti, speċjalment
mal-isħab tagħna fl-Unjoni Ewropea, li jkun hemm sforzi diplomatiċi u
anke f’oqsma bħad-difiża, biex il-valuri komuni tagħna
fir-relazzjonijiet internazzjonali b’mod aktar koordinat. Pajjiżi
bħall-Irlanda, pajjiż newtrali, xorta waħda jinsistu fuq il-valuri
bħall-multilateraliżmu, l-appoġġ għall-Palestina u għad-drittijiet
inaljenabbli tal-Palestinjani taħt okkupazzjoni krudili, u anke
għad-dritt li l-Ukrajna tiddefendi ruħha minn invażjoni. Dritt li
għandu kull pajjiż, minqux fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti”, saħaq
is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Dr Ralph Cassar.

“Infakkar li anke n-newtralità ta’ Malta, fuq il-karta, suppost
iggarantita mill-Italja, Franza, l-Alġerija u l-Libja, altru milli xi
‘newtralità assoluta’. Pjuttost ‘garanzija’ li ma tiswa xejn illum.
Infakkar ukoll li t-trattati tal-Unjoni Ewropea jinkludu d-difiża ta’
pajjiż membru minn pajjiżi membri oħra f’każ ta’ bżonn. Importanti li
ssir diskussjoni fil-fond dwar dawn it-temi importanti. Bil-manuvrar
tal-Istati Uniti u r-Russja, l-Ukrajna spiċċat pupu fin-nofs. Minkejja
l-garanziji ta’ sigurtà anke minn diversi pajjiżi Ewropej, din
tħalliet waħedha tiffaċċja l-qilla ta’ Putin, li anke n-nies tiegħu
jarahom bħala dispensabbli. Għalhekk, huwa importanti li nħabbtu rasna
flimkien u niddiskutu bis-serjetà, għax l-istorja turina li
l-interessi tal-Istati Uniti u tar-Russja mhux l-istess bħal dawk
tagħna u lanqas ta’ pajjiżi sħabna fl-Unjoni Ewropea,” qalet
iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci.

“It-tentattivi diplomatiċi ta’ Malta fin-Nazzjonijiet Uniti u fl-OSCE
huma pożittivi. Imma nixtiequ naraw aktar emfasi fuq il-Palestina
f’koordinament ma’ pajjiżi oħra tal-UE bl-istess valuri tagħna fuq
l-apartheid tal-Iżrael, speċjalment fid-dawl tal-abbandun immorali
minn pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Italja u Franza, u anke tal-manuvri
moqżieża tal-Istati Uniti u tal-amministrazzjoni Trump. Anke
l-Palestinjani għandhom id-dritt li jiddefendu ruħhom
mill-okkupazzjoni, dritt minqux fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.
Nappoġġjaw ukoll kull tentattiv ta’ summit dwar l-Ukrajna, imma biss
jekk dan ma jkunx attentat ta’ ‘qsim’ kolonjali tal-Ukrajna bħal ma
nqasmet il-Polonja bejn l-Unjoni Sovjetika Stalinista u l-Ġermanja
Nazzista fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija. Biss jekk ikun hemm
l-involviment ċentrali tal-Unjoni Ewropea, l-OSCE u n-Nazzjonijiet
Uniti.”