Festa Ħut 2022 f’Marsaxlokk

Wara nuqqas ta’ sentejn, fir-raħal tas-sajjieda, f’Marsaxlokk, se tiġi organizzata l-festa li tiċċelebra t-tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin marbutin mas-sajd, Festa Ħut.
Din l-attività ġiet imnedija mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, mis-Segretarju Paralamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said flimkien mas-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif Festa Ħut se tkun qed issir tul ix-xatt ta’ Marsaxlokk, nhar il-Ħadd 11 ta’ Settembru mis-18:00 ’l quddiem. Bħas-snin preċedenti, Festa Ħut se toffri elementi edukattivi li jqajmu kuxjenza kif ukoll aspetti tradizzjonali. Fost dawn l-attivitajiet se jkun hemm bejgħ ta’ ħut, tisjir u promozzjoni ta’ ħut mhux popolari li hu maqbud fl-ibħra lokali, stands ta’ informazzjoni, divertiment b’xejn għat-tfal, kif ukoll serata ta’ mużika minn artisti lokali.
Is-sena 2022 taħbat ukoll is-Sena Internazzjonali tas-Sajd u l-Akwakultura Artiġjanli, kif iddikjarata min-Nazzjonijiet Magħquda. Għaldaqstant huwa l-mument opportun biex terġa’ tiġi ċċelebrata din il-festa mill-ġdid.
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif “din l-attività hija opportunità oħra sabiex nesponu ħidmet is-sajjieda Maltin u Għawdxin li  b’dedikazzjoni kbira jaraw li jpoġġulna ħut bnin u frisk fuq il-platti tagħna”. Huwa kompla billi qal kemm huwa importanti li nuru l-apprezzament għall-ħidma tas-sajjieda Maltin u Għawdxin permezz ta’ dan it-tip ta’ avvenimenti.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif “Is-sajd lokali huwa parti essenzjali mill-ekonomija, mill-kultura, u sors importanti għall-ikel. Għalhekk ħassejna l-ħtieġa li l-poplu Malti jibqa’ konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet, u l-ħidma ta’ kuljum li qiegħda ssir f’dan is-settur. Kemm il-Gvern, kif ukoll l-entitajiet involuti f’dan is-settur, iħossu li inizjattiva bħal Festa Ħut tista’ tkun il-pont li tkompli tgħaqqad il-pubbliku u s-settur ta-sajd flimkien.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet illi l-qligħ kollu tal-attività se jkun b’risq għanijiet filantropiċi, b’sens ta’ karità għal dawk li huma fil-bżonn. Hija kkonkludiet billi ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex jattendi bi ħġaru biex ilkoll flimkien niċċelebraw is-sajjieda u l-komunitajiet tagħhom.​