ADPD lesta juża l-għodda tar-referendum abrogattiv biex inħassru liġijiet li jinkoraġixxu u jipproteġu l-abbuż fis-settur pubbliku jekk dak li qiegħed jikkonsidra li jwettaq il-Prim Ministru iseħħ. Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet dan meta kienet qegħda tindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament dalgħodu flimkien mas-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Ralph Cassar.
Dr Cassar irrefera għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda fejn qed jikkunsidra kif se jagħti protezzjoni lill-uffiċjali pubbliċi biex ir-reati kriminali li jagħmlu, ħadd ma jkun jista’ jfittixhom b’passi kriminali personalment.
Jidher li issa, għal Robert Abela, addio kontabilità u addio governanza tajba. Hu ovvju għalfejn Robert Abela tkellem b’dan il-mod. Għax l-abbużi diversi li hu allegat li saru f’diversi Ministeri bdew jiġu investigati minkejja li l-Pulizija ma’ għamlet prattikament xejn dwar dan. Hemm Segretarji Permanenti u persuni oħra imlaħħqin fis-settur pubbliku li qed jiġu investigati dwar abbużi li hu allegat li għamlu jew li ippermettew li jsiru meta kellhom l-obbligu li jżommuhom milli jsiru.
Uħud minn dawn l-investigazzjonijiet huma lesti. Il-fatti dwarhom huma magħrufa. Hemm investigazzjonijiet oħrajn li għadhom għaddejjin. Fejn l-allegati abbużi ma jirriżultawx, ma hemmx bżonn ta’ protezzjoni, għax hemm il-Qrati li jipprovdu biżżejjed protezzjoni diġà.
Imma fejn l-allegati abbużi jirriżultaw, dan kollu jfisser li Robert Abela jrid jipproteġi l-abbuż fis-settur pubbliku. Anzi, nazzardaw ngħidu li l-abbuż se jkun inkoraġġit għax issa dan se jkun protett bil-proposta ta’ Robert Abela. Proposta li għad irridu narawha, għax s’issa għad ma nafux eżatt x’inhi, għajr dak li qal Abela fl-attività politika f’Kordin il-Ħadd li għadda.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li l-abbuż għandna niqfulu, kuljum. Hu tajjeb li fejn hemm suspett ta’ abbuż dan ikun investigat mill-Pulizija. Imma jekk il-Pulizija ma tagħmel xejn, il-ligi tagħti d-dritt lil kull wieħed minna biex dak li nafu u li jkun qed inissel suspett ta’ abbuż jinġieb għall-attenzjoni tal-Qrati biex dan ikun investigat.
B’dak li qal Abela, dan kollu hu mhedded. Abela jrid li jekk il-Pulizija ma jagħmlu xejn, ma jsir xejn u kollox jibqa’ għaddej. Irid li meta abbuż ikun sar fis-settur pubbliku, jkun qisu ma ġara xejn. Dan mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika. L-abbuż, isir fejn isir, hu ta’ ħsara u qatt ma jista’ jkun ikkunsidrat li hu fl-interess tal-pajjiż.
Il-pajjiż ma jimxix ‘il quddiem bl-abbużi, imma b’rispett sħiħ lejn il-liġi. Dejjem u bla ebda eċċezzjoni. B’dak li qed jgħid Abela addio kontabilità u addio governanza tajba.
ADPD-The Green Party lest juża l-għodda tar-referendum abrogattiv li permezz tiegħu nistghu inħassru liġijiet li jinkoraġixxu u jipproteġu l-abbuż fis-settur pubbliku jekk dak li qiegħed jikkonsidra li jwettaq il-Prim Ministru jseħħ.
M’għandix dubju, kompliet tgħid Gauci, li hemm oħrajn li jaħsbuha bħalna. Aħna lesti nikkooperaw ma min irid jaħdem magħna f’din il-ġlieda.
Il-kontabilità hi responsabbiltà ta’ kulħadd. Kull min għandu l-awtorità hu responsabbli għal għemilu. Mhux biss il-politiċi. Inkunu lesti, biex niġġieldu kontra l-abbuż fis-settur pubbliku, temmet tgħid Gauci.