(FKNK) se tistenna r-rapport uffiċjali tal-gvern f’dan ir-rigward qabel tikkummenta aktar.

Wara l-ahbar mill-Birdlife tal-bieraħ il-Federazzjoni Kaccaturi Nassaba Konservazzjonisti – FKNK ħarġu b’post fuq FB li jgħid:
“BLM illum sostnew li matul dan l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ‘raw’ ‘il fuq minn 208 illegalità. Filwaqt li tikkundanna bil-qawwa kollha kwalunkwe illegalità, kull meta u kull fejn iseħħ, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) se tistenna r-rapport uffiċjali tal-gvern f’dan ir-rigward qabel tikkummenta aktar, jekk ikun hemm bżonn. Dan għandu jagħti fid-dettall in-numru ta’ ksur amministrattiv irrappurtat waqt il-ħinijiet tal-istaġun miftuħ tal-kaċċa u l-perċentwal rispettiv tat-8000 detentur ta’ liċenzja speċjali, u n-numru ta’ reati rrappurtati li għadhom sub gudice, għal darb’oħra rrappurtati waqt il-ħinijiet tal-istaġun miftuħ tal-kaċċa u l-perċentwal rispettiv tat-8000 detentur ta’ liċenzja speċjali. Ir-riżultat aħħari se juri kemm u liema perċentwali mit-8000 detentur ta’ liċenzja speċjali abbużaw mill-liċenzja tagħhom u wettqu ksur amministrattiv, u kemm u liema perċentwal għad iridu jitressqu l-Qorti għal reati preżunti li wettqu.
Ir-reazzjoni tal-lum tal-BLM għal dan l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiema huwa sinjal ċar li s-Soċjetà misset il-qiegħ u tidher li tinsab f’sitwazzjoni ddisprata ta’ paniku. Dan wara ċ-ċaħda tal-Qorti taż-żewġ Mandati ta’ Inibizzjoni tal-BLM, li permezz tagħhom il-BLM għamlet sforz tal-aħħar minuta biex tipprova tissospendi l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiema ta’ din is-sena. Barra minn hekk, il-BLM kienet diġà ġiet megħlub dwar l-istess kwistjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa kemm fl-2009 fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kif ukoll fir-referendum abrogattiv tal-2015″.