Ftehim settorali ġdid għall-pharmacy technicians

Il-Ministeru għas-Saħħa flimkien mal-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers iffirmaw ftehim settorali ġdid għall-pharmacy technicians impjegati mas-settur pubbliku.
Il-ftehim li ġie ffirmat assigura, fost oħrajn, titjib fl-avvanz fil-karriera tal-impjegati kurrenti u dawk prospettivi, iktar opportunitajiet sabiex il-pharmacy technicians ikomplu bl-istudji tagħhom sabiex javvanzaw b’mod iżjed spedit fil-karriera tagħhom u kif ukoll żieda fl-allowances.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għas-Saħħa Joseph Chetcuti f’isem il-Ministeru għas-Saħħa u Josef Vella, Gianpaul Gauci u Annalise Casha f’isem il-UĦM.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li ppresjeda dan l-iffirmar, feraħ lill-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti u lill-union tal-kollaborazzjoni li wasslet għal dan il-ftehim, filwaqt li awgura l-ħidma t-tajba lill-pharmacy technicians kollha. Huwa aċċena dwar l-enfasi fuq it-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema, li qed issir fil-ftehimiet settorali l-ġodda kollha, sabiex dejjem jitjieb is-servizz offrut lill-pazjent.