Għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-Berġa D’Anglaterre, il-Birgu

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ħabbru li x-xogħlijiet ta’ restawr li bdew fil-Berġa D’Anglaterre f’Mejju li għadda mistennija jkunu finalizzati sal-aħħar ta’ Novembru li ġej. Dan ix-xogħol jifforma parti minn ħidma li saret mid-Direttorat tar-Restawr, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Kottonera u mal-Kunsill Lokali tal-Birgu.
“Dan ir-restawr ser jippermettilna li nkomplu nieħdu ħsieb l-istorja nazzjonali tagħna, wirt li jiddetermina l-identità tagħna bħala poplu. L-għan tagħna hu dejjem dak li nagħmlu l-wirt tagħna aktar aċċessibbli u nsaħħu l-komunitajiet lokali tagħna. Ir-restawr huwa kruċjali biex nissodisfaw l-għanijiet tal-pjan kulturali tagħna,” tenna l-Ministru Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Birgu u lill-Fondazzjoni Kottonera għad-dedikazzjoni tagħhom biex ikompli jiżdied il-valur tat-tlett ibliet tal-Kottonera u jippreservaw il-wirt storiku tagħhom.
Il-perit responsabbli mix-xogħlijiet, Timothy Portelli, spjega fid-dettall ix-xogħol li sar li kien jikkonsistu fir-restawr tal-ġebel u l-aperturi tal-faċċata tal-Berġa D’Angalterre. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu wkoll it-tindif, it-tibdil ta’ ġebel eżistenti kif ukoll saret l-applikazzjoni ta’ proofing fuq is-saqaf tal-binja.
Mal-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta, huma kienu bnew seba’ bereġ fil-Birgu, inkluża l-Berġa D’Angalterre. Din il-binja kienet inkluża fl-Antiquities List tal-1925 u hija binja skedata bħala Grad 1. Illum, din il-berġa qed isservi bħala ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Birgu.