Waqt konferenza stampa, ADPD – The Green Party jgħidu li is-sitwazzjoni taż-żieda tal-prezzijiet qed iġġib magħha sfidi li bħalissa l-gvern qiegħed jipposponi milli jaffronta b’mod effettiv u immedjat.
“Safrattant il-purchasing power tal-Maltin nieżel bil-pagi jitilfu s-saħħa u jibqgħu l-istess. Jidher miż-żieda s’issa fil-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali kif imkejla fl-ewwel ħames xhur tas-sena li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (l-COLA) hemm ċans li tlaħħaq bejn is-€7 u €8 fil-ġimgħa. Din hi fost l-għola li qatt kellna mill-1990 lil hawn.”- ADPD
Iċ-Chairperson Carmel Cacopardo qal li ADPD – The Green Party ilu jisħaq li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja għandha tingħata darbtejn fis-sena u issa anke l-fatti u ċ-ċifri qed jagħtuna raġun. Din il-proposta li kienet ukoll fil-manifest elettorali tagħna u saret fid-dawl tan-numri dejjem jikbru ta’ nies jgħixu fil-faqar jew li qegħdin f’xifer il-faqar.
Sandra Gauci, Deputat Chairperson saħqet li hu l-mument li l-Gvern u l-isħab soċjali jħarsu bis-serjetà lejn kif qed jiżviluppa dan ix-xenarju. Min qed jgħix b’mezzi limitati ma jistax joqgħod jistenna sal-aħħar tas-sena biex jieħu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja.
“Ninsistu li b’effett mill-ewwel ta’ Lulju tingħata ż-żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja.” ADPD- The Green Party.