“Għixu l-valuri fil-ħajja tagħkom” Edwin Vassallo

Waqt laqgħa ta’ djalogu mtella’ fis-26 ta’ Lulju, Edwin Vassallo fetaħ d-diskors tiegħu billi jgħid li min jkisser il-liberta jkun qed jkisser il-ħajja. Dan id-djalogu qed jiġi organizzat kull ġimgħa sabiex jiġi diskuss kif l-emenda ta’ l-IVF, la darba tidħol fis-seħħ ser tkun qed timpedi embrijuni milli jkollhom opportunita’ biex jgħixu.
Fil-bidu li ġew mwaqqfa iż-żewġ partiti l-kbar, il-PL u il-PN, l-għan kien li jieħdu ħsieb liż-żgħir u d-dinjita umana iżda dan kollu ntilef matul l-aħħar snin. Vassallo talab lid-deputati sabiex jkunu favur il-ħajja u mhux jiffavorixxu l-mewt. Huwa staqsa kif hemm liġijiet sabiex nipproteġu l-annimal kif inhu xieraq pero’ fl-istess ħin nagħmlu liġijiet li jmorru kontra l-ħajja umana.
Bħalissa għaddejjin minn inflazzjoni bil-prezzijiet ta’ affarijiet materjalistiċi jgħolew filwaqt li d-dinjita’ tal-ħajja umana qed titbaxxa. ” Il-prezz ta’ kollox tiela, imma l-bniedem qed jiġi żvalutat fil-ħajja ta’ bejnietna.” stqarr Vassallo.
Huwa għamel referenza lejn il-politiċi li ħadu l-ġurament fuq is-salib bħala twemmin nisrani, l-Papa Franġisku skond l-evanġelu qal ” Il-ħajja tikber u timmatura skond kemm nagħtuha għall-ħajja ta’ l-oħrajn.”
Vassallo żied jgħid kif l-allat l-ġodda tagħna saru l-flus, l’akwist tal-poter u l’akwist ta’ kollox.
Dak li jsejħu lilhom nfushom liberali, jkunu liberali sakemm taqbel magħhom u jekk ma taqbilx ma jibqgħux favur il-liberta’.
” Intom fejn intom tkellmu favur il-ħajja, il-familja u l-liberta” temm id-diskors tiegħu Vassallo.