Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreżenta sett ta’ miżuri bl-għan li tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku. Dawn il-miżuri huma bbażati fuq numru ta proposti li tħabbru fl-aħħar xhur flimkien ma sensiela ta konsultazzjonijiet pubbliċi u laqgħat bilaterali fejn ġew sottomessi ’l fuq minn 600 idea permezz tal-website reshapingourmobility.com. Il-ministru spjega kif wara dan il-proċess, saret analiżi u studju dettaljat biex taħt seba’ pilastri, dawn huma l-miżuri ewlenin;
L-ewwel pilastru jinkorpora miżuri biex jiġi limitat l-użu tal-vetturi, b’għadd ta’ inċentivi u għotjiet offruti fosthom:
• Għotja ta’ €25,000 jekk iċċedi l-liċenzja u l-karozza għal 5 snin.
• Għotja ta’ €1,500 fis-sena għal 4 snin għal żgħażagħ ta’ 17-il sena li jsuqu scooter u jċedu l-liċenzja.
• Għotja ta’ €6,000 jekk iċċedi l-liċenzja u tuża scooter għal 4 snin.
• Għotja sa massimu ta’ €1,000 jekk tirrikorri għal xiri ta’ mutur.
• Parkeġġ għal studenti Universitarji li jagħmlu car-pooling u jġorru 2 passiġġieri magħhom jew aktar.
• Inċentiv aħjar għall-employers li jippromwovu trasport għall-ħaddiema.
It-tieni pilastru huwa ekonomija ta’ 24 siegħa fejn numru ta’ miżuri jindirizzaw servizzi pubbliċi u privati biex isiru f’ħinijiet off-peak. Il-Gvern ser imexxi b’eżempju b’tibdil fil-ħin ta’ servizzi bħall-ġbir tal-iskart, indafa tat-toroq u servizzi pubbliċi bħal ħlas tal-liċenzji ġewwa TM.
• Ġbir tal-iskart u tindif tat-toroq f’ħinijiet off-peak.
• Servizz f’off-peak hours fis-settur pubbliku u anke privat.
• Studju dwar servizz ġdid ta’ cargo ferry minn Kordin u l-Freeport apparti ċ-Ċirkewwa għal Għawdex.
It-tielet pilastru joffri soluzzjonijiet għall-parkeġġi fil-komunitajiet.
• Servizzi ta’ park & ride offruti minn diversi lokalitajiet.
• Soluzzjonijiet diġitali għall-parkeġġi u għal min jagħmel użu mill-car-pooling.
• Strateġija nazzjonali mmirata li żżid il-parkeġġi għall-muturi, EVs u scooters.
Ir-raba’ pilastru jirrigwarda t-trasport pubbliku, b’rotot ġodda u aktar spissi.
• Rotot ġodda għaż-żoni industrijali.
• Reviżjoni ta’ numru ta’ rotot biex titjieb il-konnettività u l-frekwenza tagħhom.
• Tiġi riveduta l-bus route network u jiġu studjati r-rotot tat-trasport pubbliku.
Il-ħames pilastru huwa t-titjib fil-koordinazzjoni tax-xogħlijiet bejn l-entitajiet kollha konċernati u proġetti infrastrutturali fit-toroq.
• Jinħolqu Standard Operating Procedures għal dawk kollha involuti fosthom l-entitajiet, kuntratturi u kunsilli lokali.
• Jitfassal pjan annwali ta’ xogħlijiet.
Is-sitt pilastru jippromwovi metodi għall-ivvjaġġar b’modi ta’ trasport alternattivi.
• Tiġi konkluża l-Istrateġija Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu.
• Tiġi żviluppata strateġija nazzjonali li tippromwovi l-mixi.
• Jinħoloq kumitat u jinħatar ambaxxatur għal mobbiltà alternattiva.
Is-seba’ pilastru jikkonċerna r-remote-working fejn bi prinċipju, jidher li hemm qbil pubbliku li dan jgħin biex itaffi l-problema tat-traffiku.
• Tibda diskussjoni mal-imsieħba soċjali permezz tal-MCESD biex jiġi identifikat l-aktar mod effettiv kif ir-remote-working jiġi inċentivat fis-settur privat.
Il-Ministru Chris Bonett sostna kif “f’dawn l-aħħar xhur ingħalaq eżerċizzju wiesgħa ta’ parteċipazzjoni pubblika, fejn l-għan kien li npoġġu fuq il-mejda sett ta’ proposti biex nibdlu l-mod ta’ kif inħarsu lejn it-trasport, mhux biss bl-infrastruttura imma wkoll drawwiet, prattiċi u aċċessibbilità”.
Huwa kompla billi qal li “dawn bdilnihom f’miżuri, hekk imsejjħa Short-Term Objectives, li ħa jiffurmaw l-ewwel pakkett ta’ implimentazzjoni u li fil-jiem li ġejjin, ser jibdew jittieħdu minn fuq il-karta u jidħlu fis-seħħ b’mod konkret”. L-introduzzjoni ta’ dawn il-miżuri ser tkun mifruxa fuq tmintax-il xahar bi proċess ta’ transizzjoni, pjan ta’ kordinazzjoni bejn entitajiet differenti u, f’xi każijiet, anke tibdil fil-qafas leġislattiv li flimkien ser ikomplu jindirizzaw b’mod dirett il-konġestjoni tat-traffiku.
Il-miżuri kollha jistgħu jiġu aċċessati permezz tal-website www.reshapingourmobility.com.