Ħarsien ambjentali: m’hemmx rieda tajba

Strateġija serja ambjentali teħtieġ viżjoni fit-tul, għax id-deċiżjonijiet ambjentali, meta jitwettqu sewwa u kif meħtieġ jieħdu ż-żmien biex jagħtu riżultat. Minkejja diversi studji li saru matul is-snin dawn ħafna drabi ġew injorati jekk mhux ukoll sar bil-maqlub ta’ dak li kien rakkomandat. Dan qalu ċ-Chairperson tal-ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo meta indirizza konferenza stampa quddiem l-uffiċji tal-ERA fil-Marsa dalgħodu.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Dr Ralph Cassar qal li fost l-osservazzjonijiet li l-partit issottometta (ħolqa: https://adpd.mt/wp-content/uploads/2022/10/ADPD_Strateg%CC%87ija-Ambjentali.pdf ) dwar l-istrateġija ambjentali 2050 maħruġa għall-konsultazzjoni pubblika mill-ERA jinkludu diversi proposti fosthom dwar it-trasport, l-enerġija rinnovabbli, il-Pjani Lokali, l-iskart, it-turiżmu u l-użu tal-ilma. L-istrateġija tuża ħafna l-kelma ‘inkoraġġiment’: bl-inkoraġġiment biss ma tasal imkien. Irridu ngħaddu mill-paroli għall-fatti.
“Kull industrija għandu jkollha pjan ċar u obbligatorju dwar it-tnaqqis tal-iskart u effiċjenza fl-użu tal-materja prima. Kull inċentiv, inkluż dawk fiskali, għandu jkun marbut b’mod strett mal-effiċjenza enerġetika, tal-użu tal-materjal, u tal-miri żero-skart. Huwa l-Gvern li, fl-aħħar mill-aħħar, irid japprova u jimplimenta l-istrateġiji maħruġa mill-aġenziji tal-istat.”
Dr Cassar semma kif għal darba oħra l-istrateġija tevita li tidentifika eżempji ta’ żvilupp mhux sostenibbli. Per eżempju ma jissemmiex kif kemm l-ajruport propost f’Għawdex, kif ukoll il-mina proposta taħt il-fliegu bejn Malta u Għawdex mhumiex sostenibbli; li t-trakka għat-tlielaq tal-karozzi m’hawnx postha f’Malta, u li art għal skopjijiet industrijali m’għandhiex tingħata għat-trakka, meta l-art f’Malta hija riżors tant skars.
Fl-aħħarnett, Dr Cassar saħaq ukoll li hu żball li d-dokumentazzjoni kollha dwar l-istrateġija hi bl-Ingliż. Mhux aċċettabbli li l-ilsien Malti jingħata l-ġemb. Id-diskussjoni, biex tkun effettiva, tista’ issir bil-Malti ukoll.
Il-Perit Cacopardo qal li ż-żmien għall-paroli ilu li għadda. Il-fatti juruna li m’hemmx rieda politika li tittieħed azzjoni bis-serjetà  dwar l-ambjent: mill-bidla fil-klima, sat-tniġġis, it-traffiku, l-użu tal-art u l-enerġija. Huwa d-dmir tal-Gvern li jwettaq inizjattivi b’saħħithom u effettivi. Il-liġijiet imma, huma inutili jekk ma jkunx hemm konsegwenzi u jekk ma hemmx rimedji legali għal meta dawn il-liġijiet u l-miri ma’ jintlaħqux. Is-soluzzjonijiet nafuhom, imma gvern wara ieħor naqas milli jimplimentahom. Anke l-istrateġija dwar l-ambjent, għalkemm fiha prinċipji tajbin, hija vaga u hemm riskju li tibqa’ biss inka fuq il-karta bħall-istrateġiji ta’ qabilha.
“It-twettiq tal-istrateġija jiddependi fuq ir-rieda politika biex din titwettaq, b’miri u responsabilitajiet ċari u bir-riżorsi neċessarji kollha. Marbuta ma dan hemm is-sistema ta’ tassazzjoni: l-inċentivi u diżinċentivi fiskali ukoll jimbuttaw lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u ta’ benesseri neċessarja għal kwalità tal-ħajja, ta’ ambjent urban u naturali aħjar. Il-klijenteliżmu, nepotiżmu u l-politika tas-supermarket waslet lill-pajjiż fl-istat li qiegħed fih illum.  Qegħdin fi kriżi tal-klima, li magħha ġġib kriżijiet ekonomiċi u soċjali. Ma nistgħux nibqgħu niġġieldu man-natura:jeħtieġ li nimxu id f’id magħha.  
Konsultazzjonijiet u rapporti kellna bosta imma gvern wieħed wara l-ieħor injora il-pariri tekniċi, u dan għax il-viżjoni politika tagħhom twassal sal-massimu ta’ 4 jew 5 snin, jiġifieri minn elezzjoni sa oħra. Strateġija serja ambjentali teħtieġ viżjoni fit-tul, viżjoni ta’ ħamsa u għoxrin sena, per eżempju. Dan hu meħtieġ għax id-deċiżjonijiet ambjentali, meta jitwettqu sewwa u kif meħtieġ jieħdu ż-żmien biex jagħtu riżultat. Huwa b’dan il-mod biss li nistgħu nibdew nagħmlu passi ‘l quddiem,” temm jgħid Cacopardo.