Ħatra ta’ medjaturi fil-Qorti tal-Familja

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħatar grupp ta’ professjonisti li se jiffurmaw parti mil-lista ta’ medjaturi li jkunu maħtura mill-Qorti abbażi ta’ roster  biex  jagħmluha  ta’  medjaturi fi kwistjonijiet tal-familja.

Il-ministru enfasizza l-importanza tal-medjazzjoni bħala komponent ċentrali tas-sistema tal-ġustizzja, intiża li tiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u tippromwovi soluzzjonijiet li jagħtu prijorità lill-benesseri tal-familji, speċjalment tat-tfal. “L-irwol ta’ medjatur imur lil hinn mill-iffaċilitar tad-diskussjonijiet. Jiggwida wkoll lill-partijiet lejn ftehimiet amikevoli, biex b’hekk jitnaqqas il-bżonn ta’ proċeduri fil-Qorti,” stqarr il-ministru.

F’dan il-kuntest saret refererenza għall-aħħar statistika ta’ medjazzjonijiet, fejn fl-2024 ingħalqu 1,708 każ u nfetħu 1,831 każ ta’ medjazzjoni.

Il-ħatra ta’ dan il-panel ta’ medjaturi jixhed rikonoxximent tal-irwol kruċjali li għandhom il-medjaturi fil-ħidma li għaddejja lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva. Il-ministru esprima wkoll gratitudni lejn dawk il-medjaturi li pparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika riċenti dwar il-Qorti tal-Familja.

Huwa fakkar li bħalissa għaddejja ħidma preparatorja fuq is-sottomissjonijiet numerużi li daħlu biex fiż-żmien li ġej mill-konsultazzjoni ngħaddu għall-implimentazzjoni, b’tibdil leġiżlattiv u kif ukoll l-investiment neċessarju lejn sistema ta’ ġustizzja aktar effettiva.

Huwa appella lill-professjonisti kollha fil-qasam tal-liġi tal-familja, inkluż avukati, ħaddiema soċjali, u esperti oħra, biex ikomplu jippromwovu l-medjazzjoni bħala l-aħjar mezz biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kunflitti tal-familja.

“Bil-ħidma u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, nistgħu nassiguraw li familji f’sitwazzjonijiet diffiċli jirċievu l-għajnuna u l-appoġġ li għandhom bżonn, filwaqt li nrawmu kultura ta’ djalogu u ġustizzja li tpoġġi l-benesseri tal-familji fiċ-ċentru”, temm jgħid il-ministru.

Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati Dr Vanessa Grech, bil-Ministru jawguralha mill-ġdid għal dawn l-irwol il-ġdid tagħha u jtenni l-impenn lejn aktar ħidma biex nassiguraw li familji f’diffikultà jirċievu l-għajnuna u s-sostenn li għandhom bżonn biex jgħaddu minn dawn iż-żminijiet diffiċli.