Ian Borg jippreżenta l-MICHELIN Awards 2025 lil 43 ristorant

“Il-MICHELIN Awards  mhux biss jistimulaw tkabbir ekonomiku fl-immedjat, iżda joħolqu wkoll effetti dejjiema li jsaħħu r-reżiljenza ekonomika usa’ ta’ Malta.” Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg fid-diskors tiegħu dwar l-importanza tal-arti kulinarja fil-prodott turistiku Malti, waqt ċerimonja organizzata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-MICHELIN Guide, fejn ġew ippreżentati l-MICHELIN Awards 2025 lill-aqwa stabbilimenti kulinarji f’Malta.

“Il-MICHELIN Guide ta’ din is-sena tikkonferma r-reputazzjoni ta’ Malta, u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħna bħala destinazzjoni li ta’ min iżżur, b’mod speċjali għal turisti ta’ kwalità li japprezzaw il-gastronomija, il-kultura u esperjenzi awtentiċi. Dawn il-premjijiet jirriflettu l-impenn bla waqfien tas-settur tal-ospitalità tagħna, u l-Gvern jibqa’ dedikat sabiex jappoġġja t-tkabbir kontinwu tiegħu. Huma wkoll manifestazzjoni ta’ viżjoni ċara għall-futur, fejn il-kċina tagħna turi lid-dinja min aħna: nazzjon ta’ wirt, passjoni u eċċellenza,” qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.

Matul iċ-ċerimonja, ġew ippreżentati tliet kategoriji ta’ MICHELIN. ION Harbour żamm il-prestiġju ta’ Żewġ Stilel MICHELIN, u b’hekk baqa’ fl-ogħla pożizzjoni fost ir-ristoranti f’Malta. Sitt ristoranti ġew rikonoxxuti b’Stilla MICHELIN waħda: Le GV, li akkwista l-istilla tiegħu għall-ewwel darba din is-sena, kif ukoll De Mondion, Rosamì, Under Grain, Noni, u Fernando Gastrotheque, li kollha żammew id-distinzjoni tagħhom mis-snin li għaddew.

Fil-kategorija Bib Gourmand, ġew ikkonfermati ħames ristoranti, filwaqt li 31 oħra ġew rikonoxxuti bħala MICHELIN Recommended, inkluż tliet stabbilimenti ġodda: La Pira, Risette, u The Seafood Grill Market – kollha kemm huma laħqu l-istandards tal-Gwida fir-rigward tal-kwalità, il-konsistenza u l-ħila kulinarja.

Carlo Micallef, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, faħħar is-settur tal-ikel f’Malta bħala pilastru ewlieni tal-istrateġija nazzjonali tat-turiżmu. “It-talent tagħkom biddel lil Malta f’destinazzjoni ta’ klassi dinjija fil-qasam tal-ikel, u dan jissodisfa perfettament l-istrateġija usa’ tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu – li tattira turiżmu ta’ kwalità ogħla, b’infiq akbar matul is-sena kollha.”

Dr Charles Mangion, Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, saħaq dwar iż-żieda b’mod mgħaġġel fil-livell kulinarju ta’ Malta f’dawn l-aħħar erba’ snin u qal li, “Fl-2020, pajjiżna kellu biss tliet ristoranti bi Stilla MICHELIN. Illum, dak in-numru sar aktar mid-doppju, xhieda tal-impenn sod tal-kokijiet u sidien tar-ristoranti tagħna li kontinwament imexxu ‘l-quddiem l-arti kulinarja ta’ pajjiżna.”​​