Ideazzjonisti 2025 fejn iż-żgħażagħ juru l-kreattività tagħhom

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm ‘Ideazzjonisti’ tat opportunità lil żgħażagħ biex jippreżentaw ideat innovattivi dwar kif jistgħu jindirizzaw sfidi relatati mal-komunitajiet tagħhom. Dan l-avveniment laqqa’ flimkien parteċipanti, partijiet ikkonċernati u esperti li offrew l-appoġġ u l-gwida tagħhom lill-parteċipanti.​​

Dan il-programm, immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ, jistimula l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fi proġetti komunitarji, filwaqt li jiżviluppa ħiliet essenzjali, fosthom il-ħidma f’tim, ir-riċerka, u l-ħsieb kritiku.

Fl-intervent tiegħu waqt l-avveniment, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fil-proċess ta’ bidla. “Iż-żgħażagħ tagħna huma l-mutur tal-bidla li jmexxu l-komunitajiet tagħna ‘l quddiem. Attivitajiet bħal dawn isaħħu s-soċjetà tagħna u juru kif l-inizjattivi tagħhom jistgħu jħallu impatt pożittiv reali. Kull proposta ppreżentata turi l-kreattività u l-potenzjal enormi taż-żgħażagħ Maltin, li mhux biss jidentifikaw il-problemi, imma joffru wkoll soluzzjonijiet innovattivi biex itejbu s-soċjetà tagħhom,” qal is-segretarju parlamentari.

Min-naħa tagħha, Miriam Teuma, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, faħħret il-kontribut taż-żgħażagħ li pparteċipaw u rringrazzjat lill-youth workers li għenu sabiex dan il-programm ikun suċċess. “Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw iż-żgħażagħ tagħna jaħdmu flimkien biex joħolqu bidla pożittiva fis-soċjetà. L-impenn u l-entużjażmu tagħhom juru li għandhom il-ħiliet u l-motivazzjoni biex jinfluwenzaw il-komunitajiet tagħhom b’mod konkret. Aġenzija Żgħażagħ se tkompli tappoġġja inizjattivi bħal dawn biex tipprovdi aktar opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp liż-żgħażagħ tagħna.”

L-attività laħqet il-qofol tagħha permezz ta’ sessjonijiet ta’ diskussjoni fuq temi varji, fosthom sostenibbiltà ambjentali, ugwaljanza bejn il-ġeneri, u s-subkulturi fi ħdan is-soċjetà. Fi tmiem l-avveniment, il-parteċipanti kellhom iċ-ċans jitkellmu ma’ partijiet ikkonċernati differenti u jiddiskutu kif jistgħu jkomplu jiżviluppaw l-ideat tagħhom f’proġetti konkreti għall-futur.

Grazzi għall-impenn tal-parteċipanti, tal-organizzaturi u tal-kollaboraturi, ‘Ideazzjonisti 2025′ reġa’ wera kif iż-żgħażagħ jistgħu jkunu protagonisti f’bidla pożittiva u sinifikanti fis-soċjetà Maltija.